“Riżoluzzjoni approvata mill-Parlament Ewropew fdata lili kienet turija tal-fiduċja li l-parlament Ewropew għandu f’pajjiżna.”
Hekk qalilna l-Ewroparlamentari Cyrus Engerer meta kellimnih fil-Parlament Ewropew fi Strasbugu, fejn esprima s-sodisfazzjon tiegħu għaliex il-vot kien wieħed b’saħħtu ħafna bl-appoġġ tal-partiti prinċipali kollha. Tenna li n-negozjati ma kinux faċli iżda hu ried li r-riżoluzzjoni tkun waħda b’saħħitha biex tissalvagwardja l-valuri u l-liġijiet Ewropej u fuq kollox iċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija.
Huwa qalilna, “Kienet l-ewwel darba għalija li kelli nikteb riżoluzzjoni u ninnegozjaha bejn il-partiti kollha però sodisfatt ħafna, mhux biss bil-kitba, bir-riżultat ta’ din ir-riżoluzzjoni pero anke bl-appoġġ li qed insibu fil-Parlament Ewropew kollu għal din ir-riżoluzzjoni.
Stqarr kif il-fatt li ġie fdat bil-kitba u l-innegozjar ta’ din ir-riżoluzzjoni Ewroparlamentari Laburista Malti tkompli turi kemm verament Malta sar għandha l-kredenzjali kollha wara l-kisbiet kbar li saru fil-qasam tal-libertajiet ċivili fl-aħħar snin.
Engerer sostna: “Il-Parlament Ewropew għażel persuna Maltija biex titkellem u tikteb ir-rapport fuq il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u l-ksur ta’ liġijiet tal-Unjoni Ewropea fuq is-saltna tad-dritt fejn tidħol l-Ungerija. Għaliex? Għaliex għandhom fiduċja fil-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti għax-xogħol kbir li għamilna fl-aħħar xhur u snin, però wkoll għandhom fiduċja fil-mod kif mexxa ‘l quddiem il-Gvern Malti fuq numru ta’ ‘issues’ li aħna kellna xi problemi bihom.”
Il-vot li għadda b’maġġoranza ta’ disgħa u sittin fil-mija favur, tnejn u għoxrin fil-mija kontra u disgħa fil-mija astensjonijiet kien deskritt bħala wieħed storiku mill-Grupp Progressiv tas-Soċjalista u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.