Id-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello ddeskriviet rapporti tal-midja indipendenti dwar kandidati fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li diġà bdew jissemmew biex jieħdu post Bernard Grech, bħala “kastelli fl-arja”.
Dan proprju jum wara li l-gazzetta ‘Illum’ fil-paġna ta’ quddiem tagħha semmiet lil Alex Borg u lil Darren Carabott bħala l-kandidati lesti biex jieħdu post il-Kap.
Fil-fatt, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, l-‘Illum’ spjegat kif Borg għandu warajh lil Adrian Delia, waqt li Darren Carabott hu meqjus bħala l-filjozz ta’ Claudio Grech, li warajh hemm l-eks Ministru Austin Gatt.
Spjegat ukoll li diriġenti tal-Partit Nazzjonalista qed jargumentaw li hemm bżonn li jinstab kap ġdid, minflok Bernard Grech, minkejja l-fatt li Grech hu determinat li jibqa’ kap anke jekk jispiċċa ma jmurx tajjeb fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.
Iżda meta ONE News staqsa proprju dwar dan lil Eve Borg Bonello, waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, evidentament skomda, hi sostniet li dak li ġie rrapportat mill-midja indipendenti hu biss “kastelli fl-arja”.
Eve Borg Bonello: “Qed tibni kastelli fl-arja.”
Hu fatt magħruf li Borg Bonello hi waħda minn dawk li tinsab wara Alex Borg bħala wieħed li qed jissemma bħala “papabbli” biex jieħu post il-Kap attwali Bernard Grech.
Madankollu, filwaqt li Borg Bonello ddeskriviet dawn ir-rapporti fuq dak li qed jingħad fost id-dirġenti fid-Dar Ċentrali bħala “kastelli fl-arja”, mhux l-istess għamel Bernard Grech fl-istess jum li ħareġ ir-rapport tal-‘Illum’.
Dan hekk kif waqt intervista li kellu, bagħat messaġġ ċar lill-imsemmija fazzjonijiet. Tenna li m’għandu bżonn lil ħadd jurih kif imexxi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Bernard Grech: “Jiena m’għandi għalfejn lil ħadd jgħidli kif l-Oppożizzjoni tista’ tkun aħjar.”