Waqt żjara tal-Ministru Evarist Bartolo fir-Repubblika tat-Turkija matul il-ġurnata tat-Tlieta, ġiet esplorata l-possibilità ta’ koperazzjoni bilaterali f’diversi oqsma, inkluż il-kummerċ, l-investiment, l-edukazzjoni, il-kultura, is-saħħa u t-tagħlim tal-lingwa Ingliża.
Il-Ministru Bartolo waqt it-taħdidiet mal-kontroparti tiegħu, Mevlüt Cavusoglu ddiskuta wkoll it-temi ta’ importanza reġjonali, b’mod partikolari l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ koperazzjoni fil-Mediterran.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Libja partikolarment l-impatt tal-iżviluppi fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari u l-bżonn għal sforzi kkonċentrati li jħarbtu l-mudell tan-negozju tat-traffikanti tal-bnedmin.
Il-Ministru Bartolo saħaq ukoll li ma hemm l-ebda alternattiva għajr għal ftehim paċifiku għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja. Huwa awgura li l-partijiet jaslu għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti u dan għall-ġid komuni tal-poplu Libjan.
Evarist Bartolo żied jgħid li s-soluzzjoni għas-sitwazzjoni fil-Libja għandha tinstab mil-Libjani stess u għandha twassal għal pajjiż wieħed magħqud, f’idejn il-Libjani nfushom.
Hekk kif dak li qed jiżvolġi fil-Libja għandu konsegwenzi fuq Malti u l-bqija tal-Ewropea il-Ministru Bartolo saħaq favur il-paċi u l-istabbiltà.
Qabel ma indirizzaw lill-ġurnalisti, iż-żewġ ministri ffirmaw ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta u l-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija dwar Xogħol bi Qliegħ tad-Dipendenti tal-Membri tal-Missjonijiet Diplomatiċi u Karigi Konsulari. Dan il-ftehim jippermetti lin-nisa u l-irġiel ta’ uffiċjali diplomatiċi li jservu fil-pajjiżi rispettivi biex jagħmlu xogħol remunerattiv.
Il-Ministru Bartolo poġġa wkoll kuruna tal-fjuri fil-Mausoleum ta’ Mustafa Ataturk, meqjus bħala missier it-Turkija moderna, u fuq il-monument tal-Gwerra Torka għall-Indipendenza.
Il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat minn delegazzjoni ta’ uffiċjali għolja tal-Gvern ta’ Malta u Theresa Cutajar, l-Ambaxxatur nominat ta’ Malta għar-Repubblika tat-Turkija, li akkumpanjat lill-ministru u lid-delegazzjoni tul iż-żjara kollha.