Il-ġurnal “In-Nazzjon” instab ħati t’artiklu libelluż u malafamanti fil-konfront tal-Ministru Evarist Bartolo; u ġie kkundannat iħallas is-somma t’elfejn ewro.
L-artiklu bit-titlu “X’qalilna l-għasfur”, li deher fil-ħarġa tal-Ħamis erbgħa u għoxrin t’Ottubru tal-elfejn u tlettax, tratta kwistjonijiet relatati mal-operat tal-Gvern u persuni involuti fl-istess Gvern.
L-artiklu ssuġġerixxa li numru ta’ studenti Universitarji kienu qed jaffaċċjaw problemi relatati mal-istipendju u l-iSmart Cards.
Għamel dan billi fost l-oħrajn irrefera għal Evarist Bartolo bħala “l-Ministru li jridha ta’ champion”. U ta x’jifhem li kien hemm tentattiv li jitqammlu mal-istudenti wara li – skont il-gazzetta – pruvaw ibagħbsulhom l-istipendji.
Iżda l-Qorti nnotat, anki abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduti, li l-Ministru qatt ma ħa d-deċiżjoni li jitneħħew xi stipendji għal xi studenti.
Għaldaqstant ikkunsidrat li ma kienx kumment ġust meta b’kumment sarkastiku fl-artiklu ingħata x’tifhem li kienet skuża tal-Ministru meta qal li deċiżjoni dwar tibdil fl-stipendji saret minn wara dahru.
Artiklu li fih il-Ministru ġiet attribwita lilu responsabbiltà dwar kwistjonijiet dwar smart cards, mingħajr mal-gazzetta preżentat ebda prova.
Għalhekk, il-Qorti nnutat li ma nstabet ebda bażi fattwali u ebda provi li ssostanzjaw dawn l-allegazzjonijiet, u allura jidher ċar li l-allegazzjonijiet li saru huma infondati.
Għaldaqstant, l-artiklu kien meqjus bħala libelluż u malafamanti mill-Qorti, u mmultat lin-Nazzjon is-somma t’elfejn ewro.