“L-instabbiltà fil-Libja u fir-reġjun tas-Saħel għandha impatt negattiv fuq il-Mediterran u l-Ewropa.”
Hekk iddikjara l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo waqt konferenza virtwali tal-Koalizzjoni tas-Saħel.
Konferenza li serviet biex twaqqaf Sħubija għas-Sigurtà u l-Istabbilità fis-Saħel.
“L-instabbiltà fil-Libja u fir-reġjun tas-Saħel għandha impatt negattiv fuq il-Mediterran u l-Ewropa. Huwa għalhekk fl-interess kollettiv li nżommu l-Proċess ta’ Paċi tal-Mali, flimkien mar-reġjonaliżmu u l-migrazzjoni, bħala prijoritajiet ewlenin fis-Saħel,” iddikjara l-Ministru Bartolo.
Il-Ministru Bartolo aċċenna wkoll għall-fatt li l-iffinanzjar ta’ terroriżmu permezz ta’ kuntrabandu, traffikar u attivitajiet kriminali oħra jfixkel l-isforzi soċjali u ta’ żvilupp mill-komunità internazzjonali biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun tas-Saħel.
Sostna li l-aktar mod effitiv biex jiġu eliminati dawn il-pjagi huwa li tingħata s-setgħa lill-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-ġudikatura.