Bħala parti mill-wiegħda favur iktar postijiet miftuħa għall-pubbliku qed issir evalwazzjoni ta’ parkeġġi miftuħa li jistgħu jinbidlu f’parkeġġi taħt l-art u l-ispazju bħalissa użat bħala parkeġġ jinbidel fi spazju miftuħ.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, qal li sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla se jkunu nħarġu l-ewwel sejħiet għall-konċessjoni tal-bini u l-operat ta’ dawn l-ispazji.
Fil-qari tal-Budget għas-sena d-dieħla ntqal ukoll li bħalissa għaddej ix-xogħol biex isiru 1,200 punt ieħor tal-iċċargjar għal karozzi elettriċi sas-sena 2024.
Dawn jiżdiedu mat-340 charging pillar li diġà hemm. Fl-istess waqt li kumpaniji privati u n-negozji se jibqgħu jibbenefikaw minn self bla interessi sabiex jikkumplimentaw l-investiment li jagħmlu f’vetturi elettriċi u charging stations.