Ġurnata tax-xogħol normali għal ħaddiema tal-impjant tal-Easygas f’Ħal-Luqa ħadet xgħira differenti hekk kif ħsarat f’wieħed mill-bowżers tal-kumpanija wasslu għal ħruġ mingħajr kontroll ta’ ħdax-il tunnellata ta’ gass.
Azzjoni f’waqtha tal-impjegati tal-istess impjant kienet strumentali sabiex tiġi evitata l-possibiltà ta’ splużjoni hekk kif l-ewwel reazzjoni tagħhom kienet li joħorġu u jgħalqu t-toroq tal-madwar hekk kif il-karozzi li kienu għadejjin setgħu skattaw splużjoni.Fuq il-post issejħu numru kbir ta’ Pulizija li għalqu żona ta madwar sitt mitt metru mad-dawra kollha tal-impjant. Tim mediku mmexxi mit-tabib Dr Jonathan Joslin kienu preżenti wkoll minħabba l-periklu li l-membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu qegħdin jaħdmu fih. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
Tkellimna mas-Sur Emanuel Psaila Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn spjegalna l-ħidma intensiva tal-Protezzjoni Ċivili fejn matulha ntużaw xejn inqas minn mitejn u tmenin elf litru ta’ ilma flimkien ma elfejn litru ta’ foam sabiex ikun jista’ jitneħħa l-gass miż-żona tal-impjant. Minħabba l-kwantita’ ta’ ilma użata kellhom jinfetħu numru ta’ fire hydrants miż-żona tal-impjant kif ukoll ġew mgħajta numru ta bowżers privati sabiex jissuplixxu aktar ilma.
Apparti l-ħidma intensiva fl-impjant diversi membri tas-sezzjoni tal-HAZMAT għamlu diversi spezzjonijiet tal-arja fil-fabbriki tal-madwar kif ukoll fir-residenza San Vincenz De Paule. Dawn l-ispezzjonijiet kollha rriżultaw fin-negattiv.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.