Glasgow jew Liverpool? Se nsiru nafu aktar tard illum liema miż-żewġt ibliet se tospita l-Eurovision Song Contest f’Mejju li ġej.
L-ispettaklu mużikali se jittella’ fir-Renju Unit wara li r-rebbieħa ta’ din is-sena, l-Ukrajna, ma setgħetx tospita hi minħabba l-gwerra.
Għoxrin post fir-Renju Unit inizjalment esprimew interess, u minn dakinhar tnaqqsu għal tnejn biss.
It-tħabbira se jagħmilha Graham Norton fuq The One Show tal-BBC One, għall-ħabta tas-19:00 ħin Ingliż. Illejla se tkun imħabbra ukoll id-data tal-finali.
Ir-Renju Unit ospita l-Eurovision tmien darbiet fil-passat, u l-aktar darba reċenti kienet f’Birmingham fl-1998. Madanakollu, il-konkors qatt ma kien Liverpool jew Glasgow.
Il-post magħżul se jattira eluf ta’ viżitaturi u jkun fil-attenzjoni globali, b’madwar 160 miljun telespettatur madwar id-dinja mistennija jsegwu l-ispettaklu ta’ din is-sena dirett.
L-organizzaturi f’Liverpool qalu li se jorganizzaw l-avveniment “f’isem l-Ukrajna”, filwaqt li kelliem għal Glasgow qal li Eurovision Skoċċiż ikun ukoll “ċelebrazzjoni tal-Ukrajna”.
Pajjiż rebbieħ normalment jospita l-konkors tas-sena ta’ wara, iżda t-tieni post tal-kantant ta’ Essex Sam Ryder f’Mejju wassal biex ir-Renju Unit jintalab jidħol għall-2023.