Statistika maħruġa mill-Eurostat tindika li fix-xahar ta’ Novembru, propju wara li tħabbru l-miżuri tal-Budget 2025, kien hemm żieda qawwija ferm fil-bejgħ mill-ħwienet f’pajjiżna.
Dan fil-fatt kien 3.3% akbar milli kien fl-istess xahar sena qabel.
Ta’ min jinnota li mentri r-rata ta’ tkabbir tal-bejgħ mill-ħwienet fiż-żona ewro naqset minn 2.1% f’Ottubru għal 1.2% f’Novembru, f’pajjiżna r-rata żdiedet minn 2.7% għal 3.3%.
Dan ifisser li komparata mal-medja taż-żona ewro, t-tkabbir fil-bejgħ mill-ħwienet kien kważi tlett darbiet aktar. Dawn il-pajjiżi huma milqutin minn miżuri ta’ awsterità mħaddna mill-gvernijiet ta’ pajjiżhom minħabba qagħda ekonomika ħażina.
Intant l-istħarriġ li jsir ta’ kull xahar mill-Kummisjoni Ewropea fost il-konsumaturi madwar l-Unjoni jindika li f’Malta s-sentiment fost il-familji huwa aħjar mill-medja storika, u ferm aqwa mill-medja Ewropea.