Fl-aħħar statistika ppubblikata mill-Eurostat għat-tieni nofs tal-2024, li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom l-inqas piż bil-kontijiet tad-dawl mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, skont il-kejl tal-purchasing power standards jew PPS fil-qasir.
L-użu ta’ dan il-kejl jagħti stampa aktar preċiża tal-piż finanzjarju, li għandhom il-prezzijiet fuq il-familji, għax iqis id-differenzi fl-ispejjeż tal-għajxien f’kull pajjiż.
Skont l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-prezz li familja Maltija tħallas għal kull 100 kilowatt fis-siegħa ta’ elettriku hu l-orħos skont dan il-kejl. B’14.33, il-piż għall-familji f’pajjiżna u ferm inqas mill-medja Ewropea.
Dan jikkuntrasta sew mal-ogħla prezzijiet irreġistrati f’pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, Ċipru u l-Ġermanja. Wara pajjiżna, it-tieni l-orħos kontijiet instabu fil-Lussemburgu u l-Ungerija.
Dan ir-riżultat hu l-frott tal-politika ekonomika għaqlija adottata mill-Gvern Malti, li ssussidja l-kontijiet tal-enerġija biex itaffi l-piżijiet minn fuq il-familji u n-negozji mindu feġġet il-kriżi internazzjonali fil-prezzijiet tal-enerġija kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Permezz ta’ dan is-sussidju, il-Gvern assorba ż-żidiet kollha li kien hemm fis-suq internazzjonali u, b’hekk, ma ġewx trasmessi direttament fuq il-konsumaturi.
Fil-fatt, waqt li l-prezzijiet tal-elettriku splodew kullimkien, pajjiżna kien l-uniku wieħed ma żiedx ċenteżmu wieħed ta’ piż kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji u l-industriji lokali. Ċifri mill-Eurostat jikkonfermaw dan ukoll meta jitqabbel mal-prezzijiet fl-2020
B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, saħqet li dan jirrifletti konferma ċara li l-politika tal-Gvern qed taħdem għall-ġid tan-nies. Hi qalet li l-poplu dejjem jiġi l-ewwel u li l-investiment kontinwu fis-settur tal-enerġija, fl-effiċjenza u f’sistemi stabbli qed iwassal għal riżultati konkreti.
Ħi żiedet tgħid li l-familji Maltin u Għawdxin jistħoqqilhom stabbiltà u affordabbiltà u l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, se jibqa’ jaħdem bla waqfien biex jiggarantilhom dan.