Malta għandha r-raba’ l-akbar rata ta’ karozzi li ma jaħdmux bil-fuel konvenzjonali, jiġifieri l-petrol u d-diesel biss, minn fost il-pajjiżi kollha membri fl-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ minn pubblikazzjoni ġdida tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea.
Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li fl-elfejn tnejn u għoxrin (2022) aktar minn għaxra fil-mija tal-vetturi f’pajjiżna huma rinnovabbli. Fost dawn hemm dawk il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku u bl-idroġenu.
Dawn iċ-ċifri ta’ pajjiżna jaqbżu r-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif ir-rata medja hi ta’ disgħa punt sitta fil-mija (9.6%).
It-tliet pajjiżi li għandhom rata aqwa minn dik ta’ pajjiżna huma l-Iżvezja, il-Finlandja u l-Olanda. Dan filwaqt li l-Kroazja, il-Latvja u l-Greċja jinsabu fil-qiegħ ta’ din il-klassifika.
Sadanittant, tagħrif ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Malti fl-aħħar jiem, jirriżulta li s-sena l-oħra kien hemm suċċess kbir fl-elettrifikazzjoni tat-trasport f’pajjiżna. Dan meta tliet kwarti taż-żieda tal-karozzi fit-toroq kienet ta’ karozzi li ma jaħdmux biss bi fuel konvenzjonali.
Fil-fatt, waqt li l-2023 rat żieda ta’ madwar sitt elef u sitt mitt karozza fit-toroq ta’ pajjiżna, kienu inqas minn elf u seba’ mija biss minnhom li jaħdmu bil-petrol jew id-diesel.
Dan ifisser li, minn kull għaxar karozzi ġodda, kważi tmienja ma jaħdmux biss bil-fuel.
Suċċess ieħor jiġi osservat fejn jidħol it-trasport pubbliku. Hawn in-numru ta’ karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku laħaq id-39, jew 8% tal-vetturi kollha fil-flotta. Dan meta, sena qabel, il-persentaġġ kien ta’ inqas minn 2%.
L-Unjoni Ewropea tesiġi li, sal-2030, il-pajjiżi jkollhom disgħa u għoxrin fil-mija tal-vetturi tagħhom li jkunu rinnovabbli.
Il-Gvern Malti qed jagħti l-aktar inċentivi biex tintlaħaq din il-mira stabbilita mill-Unjoni Ewropea, hekk kif qed tingħata rifużjoni ta’ ħdax-il elf ewro għal dawk li jixtru vettura elettrika ġdida u elf ewro oħra għal dawk li jiskreppjaw il-vettura qadima tagħhom.