Statistika tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, ikkonfermat li fit-tieni nofs tas-sena l-oħra, pajjiżna ma ra l-ebda żieda fil-prezzijiet tal-kontijiet tad-dawl.
Il-EUROSTAT innota li l-prezzijiet tal-enerġija għolew fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, ħlief f’Malta u fl-Olanda.
Il-prezzijiet tal-enerġija baqgħu stabbli, hekk kif il-Gvern Malti, is-sena l-oħra u din is-sena, investa biljun ewro sabiex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli, fi żmien ta’ kriżi tal-enerġija, kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dawn iċ-ċifri juru li, fit-tieni nofs tas-sena l-oħra, il-prezzijiet tal-elettriku għall-familji fl-Unjoni Ewropea komplew juru żieda qawwija, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021.
Il-prezzjiet tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea żdiedu minn tlieta u għoxrin ewro u ħamsin ċenteżmu għal kull mitt kilowatt fis-siegħa għal tmienja u għoxrin ewro u erbgħin ċenteżmu għal kull mitt kilowatt fis-siegħa.
Dan ifisser li, f’perjodu ta’ sena, il-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea żdiedu bi kważi ħames ewro għal kull mitt kilo Watt fis-siegħa.
Il-EUROSTAT qal li dawn huma l-ogħla prezzijiet tal-elettriku li qatt ġew irreġistrati.
2021 | €23.50 GĦAL KULL 100 KWH |
2022 | €28.40 GĦAL KULL 100 KWH |
+ €4.90 GĦAL KULL 100 KWH |
F’din l-istatistika ħareġ ukoll li pajjiżna għandu t-tielet l-orħos prezzijiet tal-elettriku għall-familji minn fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif fit-tieni kwart tas-sena l-oħra, l-orħos kontijiet tad-dawl fl-Unjoni Ewropea ġew irreġistrati fl-Unġerija, fil-Bulgarija u f’Malta. Huwa stmat li pajjiżna għandu rata ta’ tnax-il ewro u tmenin ċenteżmu għal kull mitt kilowatt fis-siegħa, filwaqt li l-ogħla kontijiet tad-dawl fl-Unjoni Ewropea ġew irreġistrati fid-Danimarka, fil-Belġju, u fl-Irlanda.
ID-DANIMARKA | €58.70 GĦAL KULL 100 KWH |
IL-BELĠJU | €44.90 GĦAL KULL 100 KWH |
L-IRLANDA | €42.00 GĦAL KULL 100 KWH |
MALTA | €12.80 GĦAL KULL 100 KWH |
IL-BULGARIJA | €11.50 GĦAL KULL 100 KWH |
FL-UNĠERIJA | €10.80 GĦAL KULL 100 KWH |
Minn din l-istatistika ħareġ ukoll li l-kontijiet tad-dawl fl-Ewropa kienu ferm ogħla s-sena l-oħra milli kienu fl-2008 u fl-2009, meta Gvern Nazzjonalista mmexxi min Lawrence Gonzi għolla l-kontijiet tad-dawl.
Dan hekk kif il-prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa fl-elfejn u tmienja kienu jammontaw sittax-il ewro għal kull kilo Watt fis-siegħa, waqt li l-prezzijiet tal-elettriku s-sena l-oħra fl-Ewropa kienu jgħoddu għal tmienja u għoxrin ewro u erbgħin ċenteżmu għal kull 100 kilowatt fis-siegħa.
Din tfisser żieda ta’ tnax-il ewro u erbgħin ċenteżmu u turi li l-kriżi tal-elfejn u tmienja ma kinitx b’saħħitha daqs il-kriżi tal-enerġija ta’ bħalissa.
2008 | €16.00 GĦAL KULL 100 KWH |
2022 | €28.40 GĦAL KULL 100 KWH |
+ €12.40 GĦAL KULL 100 KWH |
Waqt li l-Gvern Laburista jrid ikompli jsostni lill-familji u n-negozji bis-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija, il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech tenna li din l-għajnuna għandha tieqaf.
ĠURNALIST: “Bernard Grech qal li l-għajnuna fl-enerġija mhix sostenibbli. Taqblu miegħu?”
CHRIS SAID: “Bernard Grech kellu raġun, mhux Bernard Grech qed jgħidha. Bernard Grech qalha, imma qed jgħiduha l-istituzzjonijiet internazzjonali.”
Intant Bernard Grech qal “Li tibqa’ tissussidja l-eneġija żgur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli.”