Statistika tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, ikkonfermat li Malta għandha l-orħos prezz tal-elettriku fiż-Żona Ewro.
Dan ġie rrapportat fuq il-gazzetta KullĦadd, fejn ħareġ li, fit-tieni nofs tas-sena l-oħra, il-prezz tal-elettriku f’Malta għall-familji kien ta’ 13-il ċenteżmu kull kilowatt fis-siegħa.
Dan filwaqt li, fiż-Żona Ewro, il-prezz kien ta’ 30 ċenteżmu kull kilowatt hour jew kważi darbtejn u nofs ta’ dak li jħallsu l-familji Maltin u Għawdxin.
Ġie rrapportat ukoll li l-istatistika tal-Eurostat tindika li, fil-ħames snin qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013, il-kontijiet tad-dawl għolew bi 68% f’pajjiżna. Fl-istess żmien, madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 26%.
B’kuntrast, Gvern Laburista raħħas il-kontijiet tal-elettriku b’25% meta fil-bqija tal-Ewropa fl-istess perjodu d-dawl għola bi kważi 40%.
Dan fisser biex, fl-aħħar leġiżlatura Nazzjonalista, Malta kellha l-ogħla żieda fil-prezz tal-elettriku għall-familji fl-Unjoni Ewropea, waqt li bejn l-2013 u s-sena l-oħra, Malta kellha l-akbar tnaqqis.
Il-KullĦadd irrapportat kif fil-prezz tad-dawl għan-negozji, il-Eurostat indikat li pajjiżna għandu l-orħos prezz tal-elettriku fiż-Żona Ewro. Bir-rata ta’ Malta hi ta’ 13-il ċenteżmu kull unit.
Ġie nnotat li fl-aħħar għaxar snin, f’Malta, il-prezz tal-elettriku għall-industrija raħas b’25%, il-prezz medju madwar ż-Żona Ewro għall-azjendi żdied b’64%.
Fil-ħames snin qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013, il-prezz tal-energija għall-industrija f’Malta kien għola b’47%, kważi d-doppju mill-Unjoni Ewropea fejn iż-żieda medja kienet ta’ 24%.
Matul l-2023, bħala medja, il-prezzijiet tad-dawl għan-negozji naqsu fiż-Żona Ewro bi 3%, għalkemm f’numru ta’ pajjiżi xorta kien hemm żidiet qawwija. L-akbar żieda kienet fi Franza, fejn il-prezz żdied b’71%, żieda ta’ 53% ġiet irreġistrata fil-Lussemburgu, waqt li l-Awstrija u l-Olanda n-negozji esperjenzaw piżijiet akbar b’żidiet ta’ 38% u 36% rispettivament.