Malta għandha fost l-inqas żgħażagħ ta’ bejn il-ħmistax u d-disgħa u għoxrin sena li jinsabu f’riskju ta’ faqar fl-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ mill-aħħar ċifri uffiċjali tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, fejn jirriżulta li fl-2022 Malta kellha rata baxxa ta’ 2.2 fil-mija.
Minn din l-istatistika ħareġ li Malta tingħaqad ma’ ħdax-il pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea li għandhom rata taħt it-tlieta fil-mija ta’ żgħażagħ li jinsabu f’riskju ta’ faqar.
Miċ-ċifri tal-Eurostat ħareġ ukoll li r-rata ta’ pajjiżna hi ferm inqas meta mqabbla mar-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif ir-rata medja ta’ żgħażagħ li jinsabu f’riskju ta’ faqar fl-Unjoni Ewropea hi ta’ 6.1%.
Instab li l-agħar sitwazzjonijiet għal żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea huma fir-Rumanija, b’rata ta’ aktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija, segwit mill-Bulgarija u l-Greċja.
Ir-rata ta’ żgħażagħ f’riskju ta’ faqar f’pajjiżna hi ferm inqas minn dawk ta’ pajjiżi Ewropej ferm akbar minna. Dan hekk kif, skont l-istess ċifri tal-Eurostat, kemm Franza u anke l-Ġermanja għandhom rata li tiżboq is-sitta fil-mija.
Dawn iċ-ċifri ġew irreġistrati fi żmien meta kien għad hemm ir-restrizzjonijiet mill-pandemija globali u anke meta bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li ġabet magħha l-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni.
F’dan il-perjodu, mhux biss iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin baqgħu jsibu l-akbar opportunitajiet ta’ xogħol, bl-aqwa investimenti, iżda wkoll il-postijiet tax-xogħol ġew garantiti, grazzi għall-miżura tal-Wage Supplement, fi żmien li industriji sħaħ kellhom jagħlqu l-bibien minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija.
Il-politika progressiva tal-Gvern Laburista, immexxija mill-Prim Ministru Robert Abela, wasslet biex illum ukoll għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja tal-pajjiż u fl-Unjoni Ewropea.