Ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, juru li Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fost l-20 pajjiż membru taż-Żona tal-Ewro.
Dan hekk kif, fix-xahar ta’ April, pajjiżna kellu rata ta’ qgħad ta’ 2.8 fil-mija.
Dawn iċ-ċifri tal-EUROSTAT ikomplu jikkonfermaw li Malta għandha l-inqas rati ta’ qgħad li qatt ġew irreġistrati fl-istorja.
Meta mqabbel ma’ xahar qabel, jiġifieri Marzu li għadda, kien hemm tnaqqis ta’ 0.1 fil-mija fir-rata tal-qgħad f’pajjiżna.
Wara Malta, bl-inqas rata ta’ qgħad, hemm żewġ pajjiżi kbar: il-Ġermanja u l-Olanda.
Ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna hija ferm inqas mill-medja ta’ qgħad ta’ 6.5 fil-mija li għandhom il-pajjiżi fiż-Żona tal-Ewro. Hawnhekk id-differenza hija ta’ 3.7 fil-mija.
Minn din l-istatistika tal-Unjoni Ewropea ħareġ ukoll li l-għadd ta’ rġiel u nisa li jinsabu qiegħda naqsu wkoll, meta mqabbel ma’ xahar qabel.
Dan ifisser li, f’April li għadda, ir-rata tal-qgħad fost l-irġiel kienet ta’ 3.1 fil-mija filwaqt ir-rata tal-qgħad fost in-nisa kienet ta’ 2.5 fil-mija.
Dawn iċ-ċifri – fost l-inqas irreġistrati fl-istorja f’pajjiżna – waslu fi żmien ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent bil-gwerra fl-Ukrajna, li ġabet magħha kriżi tal-enerġija u żieda fl-inflazzjoni madwar id-dinja.
Ftit tal-ġimgħat ilu, fit-tbassir ekonomiku għar-Rebbiegħa, il-Kummissjoni Ewropea qalet li pajjiżna se jkollu rata ta’ qgħad stabbli fis-snin li ġejjin u se jkomplu jiżdiedu l-impjiegi.
Dan l-istess rapport tal-Kummissjoni Ewropea bassar ukoll li pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla.