F’Novembru li għadda, Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi kollha fiż-Żona Ewro. Dan ħareġ minn ċifri ġodda tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Jirriżulta li r-rata ta’ Malta f’dan ix-xahar kienet ta’ tnejn punt ħamsa fil-mija. Dan filwaqt li, wara pajjiżna, bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro hemm il-Ġermanja u l-Olanda f’Novembru li għadda.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ ukoll li r-rata ta’ pajjiżna hi ferm inqas mir-rata medja ta’ qgħad fil-pajjiżi fiż-Żona Ewro – fejn hi ferm aktar mid-doppju, bid-differenza hi ta’ kważi erbgħa fil-mija.
Ħareġ ukoll li l-pajjiżi bl-akbar rata ta’ qgħad, f’dan ix-xahar imsemmi, kienu Spanja, il-Greċja, l-Iżvezja, il-Finlandja u l-Italja.
Ċifri separati tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li ħarġu t-Tnejn, urew li r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna baqgħet konsistenti u l-aktar baxxa fl-istorja. Fil-fatt ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna baqgħet dik ta’ 2.5%, anke meta mqabbla ma’ xahar qabel, jiġifieri Ottubru 2023.
Skont iċ-ċifri tal-NSO, ħareġ li, meta mqabbel ma’ Novembru 2022, kien hemm kważi nofs perċentwal inqas, hekk kif f’dan ix-xahar imsemmi, ir-rata ta’ qgħad kienet ta’ 2.9%.
Jirriżulta li l-qgħad fost l-irġiel kien ta’ 2.3%, waqt ir-rata tan-nisa kienet ta’ 2.7%.
Din ir-rata baxxa ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna ġiet irreġistrata f’perjodu fejn għaddejjin sfidi internazzjonali bla preċedent kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna u anke xahar wara li bdiet il-Gwerra fil-Lvant Nofsani.
Skont l-aħħar tbassir ekonomiku għall-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea, minbarra li se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea fl-2023 u fis-sentejn ta’ wara, Malta se jkollha l-inqas rata ta’ qgħad minn fost l-istati membri kollha, waqt li din se tibqa’ waħda konsistenti.