L-Uffċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat kkonferma li fit-tielet kwart ta’ din is-sena, Malta kellha l-akbar żieda fit-tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u anke dawk fiż-Żona Ewro.
Ċifri tal-Eurostat juru li l-Prodott Domestiku Gross f’Malta bejn Lulju u Settembru żdied bi 3.6% u laħaq 7.9% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
It-tkabbir ekonomiku ta’ Malta kien erba’ darbiet aktar il-medja tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li fit-tielet kwart tas-sena kien ta’ 1.6% fiż-Żona Ewro u 1.8% fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fi statistika oħra tal-Eurostat, ħareġ ukoll li matul l-istess perjodu Malta kellha l-akbar rata tat-tkabbir fl-impjieg fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Mill-istatistika joħroġ li l-impjiegi f’Malta bejn Lulju u Settembru żdiedu b’4.9 fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena l-oħra. Din ir-rata hija aktar mid-doppju tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn l-impjiegi żdiedu bir-rata ta’ 1.8 fil-mija.