Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, Malta kellha l-akbar żieda fit-tkabbir ekonomiku, meta mqabbel mat-tieni kwart ta’ din is-sena minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li Malta kellha żieda ta’ 2.4% fit-tkabbir ekonomiku, waqt li wara pajjiżna jsegwu l-Polonja u Ċipru.
Ir-rata ta’ pajjiżna tiżboq sew il-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u anke fiż-Żona Ewro. Dan hekk kif ma ġie rreġistrat l-ebda tkabbir fil-medja tal-Unjoni Ewropea u kien hemm tnaqqis ta’ żero punt wieħed fil-mija (0.1%) fil-medja taż-Żona Ewro.
L-akbar tnaqqis fl-ekonomija ġiet irreġistrata fl-Irlanda, l-Estonja u l-Finlandja, meta mqabbel mat-tieni kwart ta’ din is-sena.
Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Lulju u Settembru, Malta kellha wkoll l-akbar żieda fl-impjiegi, meta mqabbel ma’ kwart qabel.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Eurostat ħareġ li pajjiżna kellu żieda ta’ 1.4% fl-impjiegi, bl-istess ammont bħal-Litwanja. Warajna, b’fost l-akbar żidiet fl-impjiegi, kien hemm Spanja.
Dan filwaqt li r-rata ta’ pajjiżna fiż-żieda ta’ impjiegi tiżboq sew ukoll il-medja Ewropea u anke fiż-Żona Ewro li kienet biss ta’ 0.2%.
L-akbar tnaqqis fir-rata ta’ impjiegi ġiet irreġistrata fl-Estonja, fir-Repubblika Ċeka u fil-Finlandja.
Dawn ir-riżultati pożittivi għal pajjiżna ġew irreġistrati fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent bil-Gwerra fl-Ukrajna, li ġabet magħha inflazzjoni u kriżi tal-enerġija.
Liema kriżi wasslet biex il-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels, l-uniku pajjiż Ewropew fejn dawn baqgħu stabbli għall-familji u n-negozji.
Dan wassal biex il-Kummissjoni Ewropea, fl-aħħar tbassir tagħha, tisħaq li Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku din is-sena u fis-sentejn li ġejjin, kif ġie kkonfermat f’dan l-aħħar rapport relatat tal-Eurostat.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela rreaġixxa għal din l-aħbar, fejn sostna li l-ekonomija Maltija kienet l-aħjar fl-Unjoni Ewropea.
Dr Abela tenna li filwaqt li l-familji u n-negozji f’pajjiżi oħrajn kellhom iġorru l-piż huma ta’ kontijiet għoljin tal-enerġija, il-Gvern Malti kommess li jipproteġi lill-familji u lin-negozji, waqt li jara li l-ġejjieni jkun kif inhu xieraq.