Ċifri tal-Eurostat qed jistmaw li r-rata ta’ inflazzjoni, ix-xahar li għadda, f’pajjiżna kompliet tonqos. Dan hekk kif, f’Ġunju, ir-rata tal-inflazzjoni lokali niżlet għal tnejn punt wieħed fil-mija.
Dan hu l-eqreb li l-inflazzjoni kienet fl-aħħar xhur għall-mira ta’ tnejn fil-mija, li skont it-tbassir preċedenti kellha tintlaħaq fl-aħħar tas-sena d-dieħla. B’hekk ifisser li, grazzi wkoll għall-miżura ta’ ‘Stabbiltà’, li daħħal il-Gvern fil-bidu ta’ Frar li għadda fuq aktar minn erba’ mija u ħamsin prodott tal-ikel essenzjali, il-mira nazzjonali fejn tidħol l-inflazzjoni diġà qegħda avvanzata b’madwar sena u nofs.
Miċ-ċifri, li għadhom kemm ġew ippubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, ħareġ kif ir-rata ta’ pajjiżna hi inqas mill-medja tal-pajjiżi li huma parti miż-Żona Ewro.
Jirriżulta li, minn qabel daħlet fis-seħħ l-inizjattiva ‘Stabbiltà’ sal-lum, ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna naqqset drastikament b’1.6%.
L-inizjattiva ‘Stabbiltà’ rażżnet iż-żieda fil-prezzijiet ta’ mijiet ta’ prodotti fi ħmistax-il kategorija tal-ikel, wara ftehim mill-Gvern mal-importaturi u tal-ħwienet.
Meta tqabbel ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna fuq perjodu ta’ sena, din niżlet b’aktar minn erbgħa fil-mija.
Ir-rata t’issa hi ferm inqas minn dak li kien ġie mbassar fil-bidu ta’ din is-sena mill-aġenziji ta’ kreditu u istituzzjonijiet internazzjonali, li kienu antiċipaw li l-inflazzjoni ma kellhiex tilħaq it-tnejn fil-mija qabel l-aħħar tas-sena d-dieħla.