L-inflazzjoni fix-xahar ta’ Marzu kompliet nieżla għat-tieni xahar konsekuttiv. Bħalissa pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni mill-bidu tal-isfidi internazzjonali bla preċedent, bil-pandemija globali u l-Gwerra tal-Ukrajna.
Dan hekk kif skont l-aħħar ċifri mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, ħareġ li x-xahar li għadda, ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ 2.7%.
Meta mqabbel ma’ Jannar li għadda, ix-xahar qabel daħlet fis-seħħ l-inizjattiva ta’ traħħis ta’ aktar minn erba’ mitt prodott essenzjali tal-ikel, ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna naqset b’punt perċentwali.
Dan hekk kif f’Jannar li għadda, ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ 3.7%.
Dan wassal biex aktar minn kwart tar-rata ta’ inflazzjoni ġiet eliminata f’xahrejn biss.
Dan filwaqt li, meta titqabbel ir-rata ta’ inflazzjoni x-xahar li għadda ma’ Marzu tas-sena l-oħra, din niżlet b’erbgħa punt erbgħa fil-mija.
Dan seħħ grazzi għall-inizjattiva Stabbilità, li mill-bidu ta’ Frar fissret roħs ta’ 15% u prezzijiet stabbli fi 15-il kategorija differenti tal-ikel sa Ottubru li ġej.
Sadanittant, fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ekonomija ntqal kif il-prezzijiet tal-ikel huma bħala medja 2% inqas milli kienu fl-aħħar ta’ Jannar. Ġie nnotat li dan it-tnaqqis ma kienx dovut għal xejriet internazzjonali, minħabba li l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi fl-aħħar tax-xahar li għadda kien l-istess bħal dak irreġistrat f’Jannar.
Il-Ministeru spjega li wara Awwissu li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni tal-prodotti tal-ikel fl-Unjoni Ewropea waqgħet taħt dik f’pajjiżna. Minn Ottubru, imbagħad, kien hemm diskrepanza qawwi, hekk kif l-inflazzjoni f’Malta bdiet togħla, waqt li fl-Unjoni Ewropea bdiet tonqos.
F’Jannar, ir-rata tal-inflazzjoni fl-ikel f’pajjiżna kienet ta’ 11%, meta mqabbla mal-4.8% fl-Unjoni Ewropea.
Bis-saħħa ta’ ‘Stabbiltà’, din ix-xejra negattiva nbidlet u l-inflazzjoni fil-prezz tal-ikel reġgħet bdiet tonqos f’pajjiżna u resqet lejn il-medja Ewropea. Ir-rata tal-inflazzjoni tal-ikel naqset kważi bin-nofs f’xahrejn u niżlet għal 6%.
Il-Ministeru għall-Ekonomija qal kif b’riżultat ta’ din l-inizjattiva, ir-rata ta’ inflazzjoni ta’ pajjiżna hi kważi l-istess bħar-rata medja tal-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.