Rapport ippubblikat fuq is-sit tal-Eurostat jindika li r-rata ta’ mpiegi ta’ pajjiżna s-sena li għaddiet laħqet il-livell ta’ 81.7%. Dan fisser li, għall-ewwel darba fl-istorja lokali, Malta kellha rata ta’ mpjiegi aqwa minn dik tal-Ġermanja, meqjusa bħala l-mutur ekonomiku tal-Ewropa kollha.
Qabel il-bidla fil-Gvern, fl-2013, waqt li l-Ġermanja kellha rata ta’ mpjiegi ta’ 76.9%, dik f’Malta kienet ta’ 63.9%. Dan kien ifisser li r-rata fil-Ġermanja kienet kważi kwart aktar minn dik ta’ Malta.
Grazzi għar-riformi kbar li wettqu Gvernijiet Laburisti fl-aħħar 11-il sena, bħall-introduzzjoni taċ-childcare b’xejn, l-In-Work Benefits u t-Tapering of Benefits, pajjiżna rnexxielu jilħaq u issa saħansitra jaqbeż ir-rata ta’ mpjiegi fil-Ġermanja.
Fl-2012 kien hemm sitt pajjiżi biss b’rata ta’ mpjiegi agħar minn pajjiżna u għoxrin pajjiż b’rata akbar. Is-sena li għaddiet ir-rata ta’ mpjiegi kienet aqwa minn pajjiżna fi tliet pajjiżi biss, waqt li 23 pajjiż għandhom rata agħar. Biex issa d-distakk bejn Malta u l-pajjiż bl-aqwa rata ta’ mpjiegi hu biss ta’ 1.8 punti perċentwali, kontra l-15.5% li kien hemm fl-2012.
Kif inhu magħruf storikament, Gvern Laburista kienet wiret sitwazzjoni diżastruża fil-qasam tal-impjiegi fejn pajjiżna kien fost l-agħar fl-Ewropa. Minkejja dan, sa tmiem l-2015, kien diġà rnexxielu jġib lil pajjiżna mal-medja Ewropea.
L-andament f’dan il-qasam kompla jissaħħaħ f’kull sena, biex pajjiżna kien wieħed mill-ftit (flimkien mal-Polonja u l-Kroazja) fejn kien hemm żieda anke fl-2020, jiġifieri fl-eqqel tal-pandemija.
Fid-dawl tal-fatt li, skont kif imbassar, l-ekonomija Maltija se tkun l-aktar waħda li se tikber fl-Ewropa fis-sentejn li ġejjin, hu mistenni li l-progress ta’ pajjiżna se jkompli u hu probabbli li pajjiżna dalwaqt isir il-pajjiż Ewropew bl-akbar rata ta’ mpjiegi.