Malta għandha l-inqas rata ta’ iffollar fir-residenzi, li fihom jgħixu l-Maltin, fost is-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan joħroġ minn ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, ibbażati fuq is-sena l-oħra, fejn jirriżulta li pajjiżna għandu biss wieħed fil-mija tal-familji li qed jgħixu f’residenzi meqjusin iffollati.
Warajna jsegwu ċ-Ċiprijotti, li wkoll għandhom tradizzjonijiet simili għal tagħna.
Skont il-Eurostat, l-aktar pajjiżi li fihom hemm djar iffollati bir-residenti lokali huma l-Latvja, b’rata ta’ 37% tal-popolazzjoni u wara jsegwu r-Rumanija u l-Polonja.
Jirriżulta wkoll li pajjiżna għandu l-inqas rata residenzi ffollati li huma abitati minn ċittadini, li ġejjin minn pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, fost dawn ir-residenti, li fl-aħħar snin żdiedu b’mod konsiderevoli wara li għamlu lil pajjiżna darhom ukoll, ir-rata ta’ residenzi ffollati hi mill-aktar minima, b’0.3%.
Wara hemm Ewropej li jgħixu fl-Olanda u Ċipru rispettivament.
Imbagħad, bl-ogħla rati, jiġu ċittadini Ewropej li jgħixu fl-Italja bi kważi erbgħin fil-mija u jsegwu dawk fil-Greċja u fil-Ġermanja.
Fejn jidħlu ċittadini minn pajjiżi terzi, li qed jgħixu f’Malta, ir-rata ta’ ffollar hi ogħla minn dik tar-residenti Maltin u Għawdxin u residenti minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, anke jekk xorta hi t-tielet l-inqas fl-Unjoni Ewropea kollha.
Hawnhekk ir-rata ta’ pajjiżna hi ta’ 10.8%, u b’rati aħjar minn tagħna hemm Ċipru u l-Irlanda.
F’dan ir-rigward, l-aktar rati ta’ ffollar minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jgħixu f’xi pajjiż tal-Unjoni Ewropea nstabu fil-Polonja u fl-Italja, fejn aktar minn nofs ir-residenzi li qed jintużaw minn tali persuni huma ffollati.
Warajhom isegwu residenzi ta’ persuni minn pajjiżi terzi fl-Iżvezja u fil-Greċja.