Il-Maltin huma fost l-aktar ċittadini Ewropew li huma sodisfatti bil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Dan joħroġ minn statistika tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, li uriet kif Malta taqbeż il-punteġġ medju, dak ta’ 7.1, minn massimu ta’ għaxra, fir-rata tal-aktar ċittadini sodisfatti bil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Malta fil-fatt kisbet 7.4 f’dan ir-rigward.
F’din l-istatistika, Malta tħabbatha ma’ numru ta’ pajjiżi oħrajn, fosthom l-Irlanda u l-Iżvezja, li jinsabu fl-istess livell ta’ pajjiżna.
L-ogħla rata li ġiet irreġistrata kienet dik tal-Awstrija b’punteġġ ta’ 7.9, il-Finlandja, il-Polonja u r-Rumanija b’7.7, waqt li l-Belġju u l-Olanda kisbu 7.6.
Sadanittant il-pajjiżi li, skont iċ-ċittadini tagħhom għandhom kwalità tal-ħajja inqas mill-medja f’terminu ta’ sodisfazzjon, jinkludu lill-Greċja b’ 6.7 u l-Ġermanja b’ 6.5.
Fl-agħar pożizzjoni hemm il-Bulgarija b’ 5.6, l-unika pajjiż li kklassifika b’punteġġ taħt is-sitta.
L-istatistika hi bbażata fuq numru ta’ mistoqsijiet dwar kemm wieħed hu sodisfatt bil-kwalità tal-ħajja tiegħu b’fatturi bħall-età, l-edukazzjoni, il-qagħda finanzjarja kif ukoll l-esperjenzi, għandhom rwol fir-riżultat aħħari.
Din l-istatistika hi bbażata fuq is-sena elfejn tnejn u għoxrin, biċ-ċittadini Ewropej ġew mistoqsija kif jikklassifikaw kull mistoqsija minn żero sa għaxra, bin-numru għaxra jfisser ‘l-akbar sodisfazzjon’.
Dan ir-riżultat ħareġ fi żmien meta d-dinja kienet għadha bir-restrizzjonijiet tal-pandemija kif ukoll kienet għadha kemm faqqgħet il-Gwerra fl-Ukrajna li ħolqot piżijiet kbar għal diversi pajjiżi bil-kriżi fl-enerġija, iżda mhux daqshekk għal pajjiżna.
Mill-bidu tas-sena elfejn tnejn u għoxrin, meta bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, il-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, beda jissussidja l-prezzijiet tal-elettriku u l-fuels, li baqgħu stabbli. Dan is-sussidju mistenni jkompli din is-sena fejn ġew ivvotati tliet mija u ħamsin miljun ewro oħra.