Il-Eurostat qal li s-sena li għaddiet, 113-il miljun fruħ fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jirrappreżentaw 22.5% tal-popolazzjoni Ewropea kienu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Ir-rata f’Malta tal-persuni f’riskju tal-faqar kienet ta’ 19.2% li hija kważi 5% inqas minn kemm kienet fl-2013. Miċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ ukoll li r-rata f’Malta kienet 3.3% inqas mir-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li f’ħames snin il-persuni fir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali f’Malta naqsu b’aktar minn 17,000 ruħ. Fil-fatt f’dan il-perjodu, il-persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqsu bi 17,000 ruħ minn 100,000 fl-2013 għal 83,000 matul is-sena li għaddiet.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li matul dan l-istess perjodu, Malta rnexxielha tnaqqas bil-kbir il-persuni li ma jifilħux jixtru erbgħa minn disa’ oġġetti li huma kkunsidrati bħala meħtieġa biex persuna jkollha livell ta’ għajxien diċenti. Dawn jinkludu xiri ta’ laħam u ħut darba iva u darba le.
Fil-fatt ir-rata ta’ persuni mċaħħda mill-aktar affarijiet bażiċi naqset b’6.2% minn 9.5% fl-2013 għal 3.3% fl-2017. Ir-rata f’Malta hija inqas min-nofs tar-rata medja Ewropea.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li hemm 17-il pajjiż li għandhom rata ta’ persuni fir-riskju tal-faqar aktar minn Malta. Dawn jinkludu l-Bulgarija, l-Italja, il-Kroazja, Spanja, il-Portugall, ir-Renju Unit, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Polonja.
Fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Ċeka bi ftit aktar minn 12% għandha l-anqas rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar fil-popolazzjoni tagħha filwaqt li l-Bulgarija bi kważi 39%, għandha l-akbar rata ta’ persuni fir-riskju tal-faqar fil-popolazzjoni tagħha.