Tnieda l-kalendarju sħiħ u komprensiv tal-EuroPride 2023, li se jiġi organizzat għall-ewwel darba bejn is-6 u s-17 ta’ Settembru.
Waqt li l-attrazzjoni partikolari tibqa’ l-parata fil-Belt Valletta nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru, hemm ħafna attivitajiet oħrajn relatati li jikkonsistu minn taħditiet, wirjiet u kunċerti, partikolarment dak mill-istilla internazzjonali tal-mużika Christina Aguillera fuq il-Fosos tal-Furjana.
Il-EuroPride ta’ din is-sena, li se tattira eluf ta’ barranin fostna, se tagħti wkoll l-opportunità lil numru ta’ artisti lokali li se jkunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom, fosthom parteċipanti tal-Malta Eurovision bħal Aidan, Amber Bondin u Glenn Vella, Fabrizio Faniello u Claudia Faniello.
Il-EuroPride Malta tilħaq il-qotol tagħha bil-kunċert b’xejn tant mistenni minn Aguillera, waqt li artisti oħrajn internazzjonali jinkludu wkoll lil Conchita Wurst.
Fl-istess żmien se jsiru wkoll parata u kunċert f’Għawdex bis-sehem taż-żeffiena Kinetic Dance Company, YADA Dance Company in collaboration with Yada Academy Gozo, DanceLab u Kurrenti, u l-kantanti lokali Ryan Hili, Aidan, Matt Black, Destiny u Chiara, fost oħrajn.
Aktar informazzjoni u d-dettalji tal-attivitajiet kollha jinsabu fuq is-sit http://europride2023.mt/events/.