Is-sit awtorevoli Euronews sab li hemm fost l-inqas diskrepanzi bejn il-ġid li jgawdu l-familji f’pajjiżna. Dan minn fost analiżi ta’ sitta u tletin stat Ewropew, inklużi dawk fl-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li l-ġid tal-familji hu fost l-aktar bilanċjati bejn il-faxex kollha tas-soċjetà, b’riżultat li dawn huma inqas distakkati minn oħrajn fejn jidħol il-kapital personali.
Minbarra hekk ifisser li, fostna, għandna waħda mill-aktar klassijiet medji b’saħħithom li jeżistu, grazzi wkoll għal qabża sinifikanti li ġiet irreġistrata fl-aħħar ħdax-il sena taħt amministrazzjonijiet Laburisti, kompletament bil-maqlub ta’ dak li ttenni kontinwament l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Il-Euronews tenna li, skont l-esperti, is-sistemi tat-taxxi u l-għadd ta’ persuni li huma sidien ta’ djarhom jilagħbu rwoli sinifikanti biex titkejjel id-differenza bejn il-ġid ta’ dawk li jaqilgħu l-aktar u dawk li jaqilgħu l-inqas f’kull soċjetà demokratika.
Skont rapporti ta’ Credit Suisse, l-UBS Global Wealth Report 2023 u l-Gini Index, it-tqassim tal-ġid ivarja ħafna wkoll minn pajjiż għal ieħor.
Iżda waqt li l-inugwaljanza fil-ġid jibqa’ fattur evidentement komuni fid-dinja kollha, skont il-Gini Index, pajjiżna rreġistra t-tielet l-inqas rata f’dan ir-rigward fl-2022 b’sittin punt disgħa fil-mija.
L-aktar pajjiż b’inugwaljanza fil-ġid tal-familji fl-Ewropa hu l-Iżvezja, fejn id-diskrepanza bejn l-aktar għonja u l-ifqar fis-soċjetà tlaħħaq is-sebgħa u tmenin punt erbgħa fil-mija.
L-aktar pajjiż b’ċifri pożittivi u l-aktar ugwaljanza fil-ġid tal-familji hu s-Slovakkja b’ħamsin punt tmienja fil-mija, filwaqt li l-Iżvezja għandha l-ogħla rata ta’ inugwaljanza b’sebgħa u tmenin punt erbgħa fil-mija.
Skont l-indiċi, minbarra l-Iżvezja, l-inugwaljanza fit-tqassim tal-ġid kienet għolja wkoll f’pajjiżi oħrajn Nordiċi, bħall-Finlandja, id-Danimarka u n-Norveġja.
Pajjiżi oħrajn membri fl-Unjoni Ewropea b’rata għolja ta’ inugwaljanza jinkludu lill-Ġermanja, waħda mill-akbar erba’ ekonomiji fil-kontinent, li rreġistrat sebgħa u sebgħin punt tnejn fil-mija. Isegwu Franza, Spanja u l-Italja.
Ir-Renju Unit ukoll irreġistra rata li hi kważi għaxra fil-mija ogħla minn ta’ pajjiżna, b’sebgħin punt tnejn fil-mija.