Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-Eurobarometer, juri li l-Maltin għandhom fiduċja qawwija fil-Gvern u fl-ekonomija. Dan f’livelli li huma ferm ogħla mill-medja Ewropea. Huma 58% tal-Maltin li għandhom fiduċja fil-gvern Malti. Fl-Unjoni Ewropea l-livell ta’ fiduċja huwa biss ta’ 34% fejn 61% jgħidu li ma jafdawx lill-gvern tagħhom. F’Malta huma biss 26% li jgħidu li ma jafdawx lill-gvern.
Meta mitluba jgħidu x’jaħsbu dwar l-ekonomija tal-pajjiż 85% qalu li jemmnu li hija totalment tajba. 7% biss jemmnu li l-ekonomija Maltija hija ħażina. Fl-Unjoni Ewropea huma 49% biss li jemmnu li l-ekonomija sejra tagħhom sejra tajjeb. Differenza kbira meta mqabbel mal-qagħda f’pajjiżna. Il-Maltin, li diġà jemmnu li sejrin tajjeb, saħansitra jemmnu li jistgħu iżommu l-istess ritmu jew imorru aħjar. Fil-fatt huma tlieta minn kull erbgħa li jemmnu dan. Mitluba jgħidu liema huma l-iktar temi li jħassbuhom il-Maltin isemmu l-immigrazzjoni u l-housing.
Filwaqt li s-setturi tax-xogħol, l-ekonomija, is-saħħa, l-edukazzjoni u t-taxxi huma fost l-inqas li jinkwetaw lill-Maltin.