Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ippresedew l-iffirmar ta’ ftehim li permezz tiegħu ġew estiżi s-servizzi li qiegħda toffri Dar il-Kantuniera ġewwa l-Għarb, Għawdex fil-qasam tas-saħħa mentali.
Permezz ta’ ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, l-istess awtorità se tkun qiegħda tgħaddi f’idejn l-imsemmi ministeru, b’titolu ta’ kera, din id-dar li qiegħda tħalli marka importanti fil-komunità Għawdxija.
Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar qiegħed ukoll jidħol fi ftehim mal-Malta Trust Foundation sabiex tkompli tmexxi din id-dar f’kollaborazzjoni mal-Mental Health Association Gozo.
Il-Ministru Roderick Galdes qal: “Meta nassisti għal ftehim bħal dan, nara xhieda ħajja ta’ kemm fil-prattika qegħdin inwettqu politika li tħares lejn il-bżonnijiet olistiċi tal-persuna; bżonnijiet reali li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni se nilħqu iktar benefiċċjarji u nkomplu ngħollu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-familjari, li naf kemm ifissru għalihom servizzi bħal dawn”.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal: “Sa min meta fetħet il-bibien tagħha din id-dar, lura fl-2021, numru ta’ persuni rrikorrew għas-servizzi mogħtija. Bħala Gvern nifhmu li hawn il-ħtieġa għal dawn is-servizzi u għalhekk aħna kommessi li nkomplu nsaħħu u nsostnu dawn is-servizzi soċjali imma aktar minn hekk, nassiguraw li dawn ikunu disponibbli għal kulħadd. Nirringrazzja lil dawk kollha nvoluti, mhux biss talli għamlu dan possibbli, imma aktar minn hekk tas-servizz professjonali li qed jingħata minn din id-dar, b’risq dawk l-aktar li jeħtieġu.”
Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca sostniet li l-Malta Trust Foundation għandha għan wieħed, dak li tkun ta’ spalla għal min l-aktar li jeħtieġ. Hija irringrazzjat lill-ministri konċernati u lill-entitajiet rispettivi li fehmu l-ħtieġa ta’ dan is-servizz u aktar minn hekk, l-importanza li dan jibqa’ jingħata minn qalb il-komunità biex ikompli jissaħħaħ il-kunċett li jkunu parti mis-soċjetà.
Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Emanuel Psaila, is-Segretarju Permanenti għal Għawdex u l-Ippjanar John Borg, kif ukoll rappreżentanti tal-Awtorità tad-Djar li lkoll sostnew l-importanza ta’ dan il-ftehim; li qiegħed joffri servizzi li jħarsu s-saħħa olistika tal-persuna u l-inklużjoni.