Il-gvern se jkun qed jestendi s-sejħa biex ċittadini barranin ikunu ripatrijati lura lejn pajjiżhom permezz ta’ titjiriet sussidjati.
Ħabbar dan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi stqarrija fejn spjega kif fil-ġimgħat li għaddew Malta għenet biex tirripatrija residenti u turisti li riedu jmorru lura lejn l-Italja, Spanja, Franza il-Ġermanja u l-Iżvizzera.
Issa ċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk ta’ pajjiżi oħra se jkunu eleġibbli.
Jistgħu japplikaw ukoll barranin li m’humiex fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza.
Dawk interesssati li jagħmlu użu minn wieħed minn dawn it-titjiriet għandhom jirreġistraw l-interess tagħhom fuq is-sit tal-Ministeru tal-affarijiet barranin sal-Ħadd 19 ta’ April.