Ġiet estiża r-rifużjoni fuq il-mediċini tal-IVF għall-ġenituri prospettivi, li se jagħmlu l-IVF f’Malta, kif ukoll ġenituri prospettivi li għamlu l-IUI, l-IVF jew l-embryo transfer fi kliniċi privati sa mill-1 ta’ Jannar 2023. Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
Minn meta beda jopera s-servizz tal-IVF f’pajjiżna, li ddaħħal minn Gvern Laburista, twieldu total ta’ sitt mija u tarbija u fil-preżent hemm ukoll ħamsin omm li qed jistennew li jwelldu 55 tarbija oħra.
Il-Ministru Abela spjega kif il-Gvern hu konxju mis-sagrifiċċji li jgħaddu minnhom ġenituri prospettivi li jagħmlu l-IVF u għalhekk, sa mill-2015, beda joffri s-servizzi b’xejn mill-Isptar Mater Dei.
Dawn is-servizzi komplew jiżdiedu bl-emendi fil-Liġi li daħlu fis-seħħ fl-2018 u l-2022.
Il-Ministru qal li, sal-aħħar ta’ Marzu li għadda, l-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijun approvat ’il fuq minn miljun u għoxrin elf ewro, li ġew mgħoddija lura lill-ġenituri prospettivi bħala rifużjoni tal-mediċini li kienu nefqu.
Il-Ministru Abela ħabbar kif, wara diskussjoni mar-Regolatur ewlieni, l-EPA, issa din ir-rifużjoni se tiġi estiża wkoll għall-ġenituri prospettivi li se jagħmlu l-IVF f’ċentri liċenzjati oħra, għajr Mater Dei.
Kull ġenitur prospettiv, li għamel t-trattamenti tal-IUI, l-IVF jew l-embryo transfer fi kliniċi privati, sa mill-1 ta’ Jannar 2023, se jkunu wkoll intitolati għal din ir-rifużjoni.
“285 ġenituri prospettivi, li xtraw mediċini għall-IVF, se jkunu qed jirċievu rifużjoni tal-ispejjeż tagħhom, għal total ta’ mitejn u ħamsin elf ewro. Il-Gvern kommess li jkompli jtejjeb is-servizzi tal-IVF f’pajjiżna u kommessi li ngħinu kemm jista’ jkun lill-ġenituri prospettivi.”
Sitta u ħamsin ġenitur prospettiv għamlu l-IUI, mija u wieħed u tletin għamlu embryo transfer, filwaqt li tmienja u disgħin għamlu l-proċedura tal-IVF sa mill-1 ta’ Jannar 2023.
B’hekk se jkunu qed jiżdiedu mas-634 ġenituri prospettivi li diġà bbenefikaw mir-rifużjoni tal-mediċini għas-servizzi offruti f’Mater Dei sa mill-1 ta’ Jannar tal-2022.
Hu temm jgħid kif dan hu xhieda tal-investiment li qed iwettaq il-Gvern, li hu kommess li jkompli jtejjeb is-servizzi tal-IVF biex ikun ta’ għajnuna u sostenn għall-familji Maltin u Għawdxin.
L-applikazzjonijiet u l-irċevuti oriġinali għandhom jiġu sottomessi għand iċ-ċentri liċenzjati u mibgħuta lil-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun biex tkun tista’ tiġi pproċessata r-rifużjoni.