8,615-il konvenju li kellhom jiġu ssiġillati sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej, issa għandhom ċans jiġu ffirmati u magħluqa sal-aħħar ta’ Settembru, hekk kif l-iskema tat-traħħis fit-taxxa tal-boll ġiet estiża bi tliet xhur.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif spjega li dan qed isir sabiex in-nutara u l-banek jingħataw aktar ħin sabiex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom fosthom xogħol ta’ riċerka.
Qal, “Dawk kollha li ffirmaw il-konvenju tagħhom u daħal propju sal-31 ta’ Diċembru li għadda jiġifieri dawn it-8,615-il konvenju minflok għandhom sal-aħħar ta’ Ġunju għandhom sa l-aħħar ta’ Settembru biex ikunu jistgħu jiffirmaw il-kuntratt tagħhom u jibbenefikaw Mit-tnaqqis tat-taxxa.”
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Finanzi pprovda wkoll ċifri dwar skemi tal-budget marbuta mas-suq tal-propjetà fl-2021.
Spjega kif fil-fatt is-sena l-oħra ġew iffirmati 26,600 kuntratt bit-transazzjonijiet kollha jammontaw għal €5.1 biljun. Bejniethom il-bejjiegħa u x-xerrejja ffrankaw €151 miljun f’taxxa.
Rigward it-8,615-il kuntratt li se jibbenefikaw mill-iskema ta’ traħħis tat-taxxa tal-boll, Clyde Caruana spjega li b’kollox dawn il-kuntratti jlaħħqu transazzjonijiet ta’ €1.7 biljun b’kollox u bejniethom se jiġu ffrankati €50 miljun f’taxxa.
Spjega, “B’kollox il-valur tagħhom dawn huwa stmat li jlaħħaq il-€1.7 biljun u li bejniethom se jkunu ffrankaw ta’ l-inqas mal-€50 miljun f’taxxa kemm il-bejjiegħ u x-xerrej.”
Il-Ministru Caruana spjega wkoll iċ-ċifri relatati ma’ skemi oħra li ddaħħlu fil-Budget għal din is-sena. Dawn fil-fatt jikkonċernaw l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ propjetajiet f’żoni ta’ konservazzjoni urbani u fi propjetajiet u postijiet vakanti jew abbandunati biex jiġu rrestawrati.
Dwar propjetajiet f’żoni ta’ konservazzjoni urbana, minkejja li l-iskema ilha biss ftit ġimgħat fis-seħħ, diġà kien hemm 250 bejjiegħ u 96 xerrej li kollha f’daqqa ffrankaw €2.7 miljun.
Intant kien hemm ukoll 40 bejjiegħ u seba’ xerrejja li f’buthom żammew €100,000 permezz ta’ skema tal-Gvern li tolqot propjetajiet vakanti jew dilapidati.
B’hekk permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi tħallew €2.8 miljun fil-bwiet tan-nies.
Il-valur tal-propjetajiet li nbiegħu f’żoni UCA jammontaw għal €22 miljun filwaqt li dawk vakanti jew dilapidati jlaħħqu valur ta’ €1.4 miljun.