Il-Gvern se jkun qed jestendi l-iskema tal-Ħaddiema fil-Komunità li ġiet introdotta lura fl-2018 u li tassigura r-riżorsi għall-Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin biex iżommu l-lokalitajiet indaf u b’manutenzjoni tajba tat-toroq.
Dan flimkien ma’ servizzi ta’ kwalità u sostenibbli.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera, hekk kif sostna l-importanza ta’ din l-iskema li hija għajn għal aktar riżorsi tal-Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin.
Il-President tal-Assoċċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali, Mario Fava spjega li fl-2018 kien hemm 193 ħaddiem li ġew assenjati mal-Kunsilli Lokali u li rċivew salarju ta’ aktar mill-paga minima b’inċentivi fiskali għax-xogħol li jwettqu.
Fava spjega: “Żidna anke mal-ftehim li konna għamilna propju fl-2017 li ħaddiema nkunu ċerti li jkunu koperti b’polza ta’ assigurazzjoni u kif ukoll igawdu minn benefiċċju ta’ performance bonus dan sabiex inħeġġu aktar lill-ħaddiema jaqdu l-ħiliet u d-doveri tagħhom fil-lokalitajiet.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Natalino Attard aċċenna għal rapport li sar mill-istess diviżjoni dwar il-funzjonijiet statutorji tal-Kunsilli Lokali għall-2019.
Funzjonijiet li jinkludu l-bżonn ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt din l-iskema.
Spjega li minn dan ir-rapport ħareġ li l-Kunsilli Lokali qed jingħataw aktar minn €18-il miljun u nofs għall-indafa u l-manutenzjoni tat-toroq.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru José Herrera spjega li l-estensjoni ta’ dan il-ftehim tifforma parti minn politika ġdida għall-Gvern Lokali b’viżjoni għall-10 snin li ġejjin.
Il-Ministru Herrera qal, “Issa d-diviżjoni responsabbli mill-Kunsilli se jkolla r-responsabbiltà tal-moniteraġġ tal-ħaddiema kollha taħt din l-iskema ta nies li jaħdmu mal-Kunsilli biex indaħħlu aktar trasparenza u dixxiplina u ser indaħħlu wkoll aktar ħaddiema biex inżommu l-ibliet u rħula tagħna nodfa kif imiss.”