Madwar 250 familja minn Birżebbuġa se jibbenefikaw minn skema ta’ double-glazing li ġiet estiża wara l-iskema pilota li tħabbret is-sena l-oħra.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia, fejn intqal li l-Gvern se jkun qed iħallas 90% ta’ massimu ta’ €2,000 meta wieħed ibiddel l-aperturi.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan sar b’investiment ta’ nofs miljun ewro mill-Korporazzjoni tal-Port Ħieles.
Hija stqarret: “Il-Gvern huwa impenjat illi d-diffikultajiet illi rajna tul is-snin f’Birżebbuġa jkunu indirizzati, primarjament il-budget ħabbar żewġ miżuri, ix-shore to ship, illi beda l-proċess għall-fażi li jmiss u b’din l-iskema biex wieħed jindirizza l-ħsejjes li jkun hemm matul il-ġranet normali tipiċi minħabba l-Port Ħieles.”
Il-Minsitru Michael Farrugia qal kif permezz ta’ din l-iskema wieħed se jkun qed jissalvagwardja l-enerġija.
Huwa sostna: “Id-double glazing attwalment inaqqas il-ħoss li jkun ġej mill-proġetti illi għaddejjin fl-akwati, imma anke jikkontrolla t-telf tas-sħana jew inkella frisk minn ġewwa d-djar u allura jkun hemm bżonn inqas enerġija li tintuża.”
L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu bejn is-7 ta’ Diċembru 2020 sal-aħħar ta’ Diċembru 2021, biż-żmien jista’ jingħalaq qabel jekk kemm-il darba l-fondi allokati jiġu eżawriti qabel.