Għal sena oħra ġiet estiża l-iskema ta’ rimborż tas-salarji għall-ħolqien ta’ impjiegi f’Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Camilleri qal kif l-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li tixpruna l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli f’Għawdex fuq bażi full-time.
Din l-iskema se tolqot lil dawk il-kumpaniji Għawdxin li joħolqu impjieg ġdid b’kuntratt minimu ta’ tliet snin.
Dawn igawdu minn rimborż tas-salarju sa massimu ta’ sitt elef ewro fuq perjodu ta’ tliet snin.
Ħamsin fil-mija tar-rimborż tas-salarju jsir fit-tielet sena tal-iskema biex jiġi assigurat impjieg fit-tul.
Il-Ministru Clint Camilleri qal kif fuq medda ta’ tliet snin, għal din l-iskema daħlu ’l fuq minn erba’ mitt applikazzjoni.
Qal, “Wieħed irid isemmi kif din l-iskema qed tħalli suċċessi ġewwa Għawdex qed tħalli suċċessi u qegħdin naraw kif is-sena l-oħra kien hemm xejn inqas minn 100 impjieg li nħolqu permezz ta’ din l-iskema u bbenefikaw minn din l-iskema u għaldaqstant skema bħal din li qegħda tħalli l-frott u s-suċċess mixtieq li se nkomplu nġedduha sabiex inkomplu noħolqu xogħol f’Għawdex għal Għawdxin.”
L-Uffiċjal fil-Ministeru għal Għawdex Ronald Sultana qal kif dawk in-negozji eliġibbli huma dawk li minn Jannar tas-sena l-oħra ħolqu impjieg ġdid f’Għawdex.