L-iskema tad-depożitu tal-għaxra fil-mija mill-Awtorità tad-Djar għal dawk li se jixtru l-ewwel dar tagħhom issa ġiet estiża.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’.
Il-Ministru spjega li ż-żieda fl-ammont, li kienet ukoll wegħda elettorali, tfisser li d-depożitu massimu li lesta tkopri l-Awtorità tad-Djar se jogħla minn €17,500 għal €22,500. Dan ifisser li l-first-time buyers li jibbenefikaw minn din l-għajnuna, issa se jkunu jistgħu jakkwistaw proprjetà li l-valur tagħha jista’ jlaħħaq il-€225,000.
L-għan ta’ din l-iskema huwa li tassisti persuni li, minkejja li huma eliġibbli għal self għad-dar, m’għandhomx il-likwidità meħtieġa biex iħallsu l-ħlas meħtieġ tal-għaxra fil-mija.
Din l-iskema, li bdiet fl-2021, waqt l-isfida tal-pandemija, wasslet biex mitejn familja ġdida saru sidien ta’ darhom.
Din l-iskema hija miftuħa għal dawk li għandhom iżjed minn tmintax-il sena u s-self irid jitħallas fi żmien ħamsa u għoxrin sena.
Il-Ministru Roderick Galdes qal li din l-emenda f’din l-iskema se tfisser li se tkun twettqet wegħda elettorali oħra mill-manifest ‘Malta Flimkien’.
Huwa qal, “Nemmnu li, kif għamilna wkoll permezz tal-iskema ta’ għajnuna ta’ self mingħajr imgħax għal dawn iż-żgħażagħ jew adulti li se jixtru l-ewwel proprjetà, issa l-massimu żdied għal €22,500 – ifisser li jixtru proprjetà sa €225,000 u dak ifisser ukoll li waħda mill-wegħdiet elettorali li għamilna fil-manifest elettorali li ġiet imwettqa.”
Il-Ministru Roderick Galdes qal li, f’għaxar snin ta’ gvern Laburista, in-nies li saru sidien ta’ djarhom żdiedu b’44,000 persuna.
Qal ukoll li din l-emenda f’din l-iskema tingħaqad ma’ kullana ta’ skemi oħra mill-Awtorità tad-Djar, fosthom dik tal- €10,000 fi żmien għaxar snin għall-first time buyers.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, qal li din l-emenda saret wara konsultazzjoni ma’ diversi żgħażagħ li jixtiequ li jsiru sidien ta’ darhom. Qal ukoll li din l-emenda qed tirrifletti s-suq modern.