Il-Malta Enterprise estendiet l-inizjattiva Smart and Sustainable Grant għas-sena d-dieħla u mistennija tgħin lin-negozji jnaqqsu t-tniġġis mill-karbonju tagħhom b’elf tunellata fis-sena, ekwivalenti għal dak li joħolqu aktar minn mitejn u ħmistax-il vettura f’sena.
Din l-iskema, li diġà appoġġjat sittax-il proġett ambjentali preċedenti fis-settur privat, b’investiment ta’ miljun ewro, se tkun qed terġa’ toffri għajnuna finanzjarja biex in-negozji interessati jkunu mħeġġa jibdlu l-operat tagħhom għal wieħed aktar sostenibbli.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Lukanda db Seabank, li wkoll implimentat proġett appoġġjat minn din l-iskema. Dan hekk kif investiet f’sistema ta’ reverse osmosis li żiedet l-effiċjenza fl-enerġija bi tnejn u għoxrin fil-mija hekk kif naqqset il-konsum tal-ilma bi tmienja u sebgħin fil-mija.
Aktar dwar dak li sar mil-lukanda spjegah il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp db, Robert Debono.
“Investejna wkoll fis-sistemi fil-kmamar, jiġifieri fir-room management system li dak se jgħinna wkoll biex innaqqsu l-użu tad-dawl minħabba l-heating u ċ-chilling tal-kmamar. Investejna wkoll building management system kif ukoll anke fil-heat pumps il-ġodda li xtrajna fejn qed ikollna ċertu ammont ta’ redundancy, imma wkoll savings fl-użu tad-dawl.”
Robert Debono – Kap Eżekuttiv Grupp DB
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega kif l-entità li jmexxi minn dejjem ħadmet biex tgħin lin-negozji b’kull mod possibbli, inkluż b’inċentivi favur il-miri tas-sostenibilità. Hu rrimarka wkoll is-sodisfazzjon tiegħu lejn l-interess qawwi li ntwera minn diversi kumpaniji li għażlu li jagħmlu tali investimenti.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, saħqet kif, b’dawn l-inizjattivi, il-Gvern qed juri li hu kommess biex jibqa’ jappoġġja l-intrapriżi, filwaqt li aċċennat kif dan l-appoġġ jingħaqad mal-miri tal-konklużjonijiet tal-konferenza dinjija tal-Ġnus Magħquda, il-COP28.
Hi enfasizzat ukoll il-benefiċċju ambjentali ta’ din l-inizjattiva li se tiffranka elf tunellata ta’ emissjonijiet tal-karbonju mill-arja.
“Allura skema bħal din u l-up-take tagħha juri kemm hemm interess, allura ħa nkomplu nibnu fuq dawn it-tip ta’ skemi, għax irridu li s-settur privat jingħaqad ukoll f’din it-tranżizzjoni ekoloġika. L-interess qiegħed hemm u bħala Malta Enterprise u bħala Gvern se naraw li nkomplu nagħtu l-appoġġ meħtieġ.”
Miriam Dalli – Ministru