Ġiet estiża l-iskema MicroInvest għall-intrapriżi li jinvestu fis-sistema ta’ appoġġ għall-klijenti b’abbiltajiet differenti.
Permezz ta’ din l-iskema, li hija operata mill-Malta Enterprise, intrapriżi li jinvestu biex itejbu s-servizzi tagħhom favur persuni b’diżabilità huma eliġibbli għal kreditu ta’ taxxa ekwivalenti għal 45 fil-mija tan-nefqa eliġibbli. Għal intrapriżi li joperaw minn Għawdex, il-kreditu ta’ taxxa huwa ta’ 65%.
Is-sena li għaddiet, il-Malta Enterprise irċiviet 3,582 applikazzjoni, li jfisser investiment ta’ aktar minn €35 miljun.
L-estensjoni ta’ din l-iskema tħabbret mill-Ministru responsabbli mill-Intrapriżi, Miriam Dalli, u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbilità tat-Teknoloġija tal-Informatika, il-FITA, Carlo Stivala.
Il-Ministru Dalli ħeġġet ukoll lill-intrapriżi biex jibbenefikaw minn skema oħra mmexxija mill-Malta Enterprise, Facilitating Work Life for Individuals with Disability, li tagħti appoġġ lill-kumpaniji li jinvestu f’impjegati b’diżabilità. L-għajnuna taħt din l-iskema tingħata fil-forma ta’ għotja fi flus u tkopri 90% tal-ispejjeż eliġibbli sa għotja massima ta’ €10,000 għal kull proġett.
“Irridu li, fid-dinja tal-lum, wara kollox, kull persuna f’pajjiżna, irrelevanti mill-abbiltajiet u mid-diżabilità tagħha, ikollha aċċess għal kwalunkwe prodott u servizz provdut f’pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti spjega li l-Fondazzjoni għall-Aċċessibbilità tat-Teknoloġija tal-Informatika, il-FITA, qed tespandi l-ħidma tagħha biex persuni vulnerabbli jkollhom inklużjoni ħolistika fi ħdan il-komunità.
“Servizzi ta’ online banking, servizzi ta’ online shopping, kif ukoll użu ta’ diversi apps. Apparti dan is-servizz, il-FITA toffri wkoll awditjar u vverifikar ta’ websites min-negozji.”
Ritratt Ewlieni: Agence DER / AdobeStock