Propjetajiet u bini kummerċjali li jinsabu f’żoni urbani huma eliġibbli sabiex igawdu mill-iskema ‘Irrestawra l-Faċċata’ mill-Awtorità tal-Ippjanar wara li din ġiet estiża b’xahrejn.
Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar spjegat li mindu din l-iskema ġiet imnedija f’Lulju li għadda, irċeviet mija u ħamsa u erbgħin sottomissjoni u li b’kollox se jkunu qed jiswew mal-miljun u nofs ewro.
B’hekk permezz ta’ din l-iskema se jkunu jistgħu jiġu riġenerati u jingħataw dehra aktar friska toroq f’irħula li minnhom jgħaddi numru kbir ta’ karozzi kuljum. B’riżultat li din il-konġestjoni taċċellera d-deterjorazzjoni tal-faċċata tad-djar.
Dawk li jistgħu japplikaw għal din l-iskema estiża jrid ikollhom il-propjetà tagħhom fl-istess żoni li ġew defeniti fl-iskema oriġinali. Żoni li b’kollox ikopru mal-ħames kilometri ta’ toroq.
Permezz ta’ din l-iskema l-Awtorità tal-Ippjanar qed tara li tiffinanzja mal-għaxart elef ewro f’xogħol ta’ riġenerazzjoni għal kull propjetà.
Dan flimkien ma’ flus addizzjonali li jistgħu jlaħħqu t-tmien mitt ewro għal spejjeż professjonali u miżati fuq permessi tal-Kunsilli Lokali.