L-iskema “Green Your Building” ġiet estiża għal xahar ieħor, wara talba mir-residenti.
Din l-iskema mmexxija mill-Awtorità tal-Ippjanar qed tagħti l-flus sidien ta’ djar privati li jixtiequ jinstallaw ġonna vertikali mal-faċċata jew ħitan fir-residenza tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia li qal kif l-infrastruttura ħadra toffri għadd ta’ benefiċċji għall-ambjent u tnaqqas l-effetti ħżiena.
Il-Ministru Farrugia qal, “Nitolbu l-familji jkomplu jersqu lejna biex ikollna l-possibbiltà illi fost il-proġetti biex nimmitigaw l-urbanizazzjoni l-familji stess jgħinuna biex inħaddru pajjiżna.”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba qal kif sal-lum irċivew disgħin sottomissjoni li jgħoddu għal seba’ mija u ħamsin elf ewro.
Huwa stqarr: “Mela jidher li kien hemm rispons għall-iskema in-nies fehmu ħafna l-importanza tagħha l-iskema, fehmu l-għanijiet tal-iskema, tant illi kuljum konna qed nirċievu għexieren ta’ emails u telefonati jistaqsu għall-informazzjoni.”
L-iskema tiswa zżewġ miljun ewro u se tkopri wkoll xogħlijiet marbuta mal-installazzjoni, il-kiri tat-tagħmir u manutensjoni għal ħames snin fost l-oħrajn.
L-iskema se tagħlaq il-Ġimgħa sebgħa ta’ Mejju elfejn wieħed u għoxrin.