Miżura fiskali li kienet tħabbret mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fid-diskors tal-Budget 2016 u li kienet tikkonċerna trasferiment ta’ negozji tal-familja fi ħdan l-istess familja, issa ġiet estiża sat-30 ta’ Settembru ta’ din is-sena. L-avviż legali (A.L.) rispettiv jinħareġ il-ġimgħa d-dieħla.
Permezz ta’ din il-miżura, negozji tal-familja li kienu qed jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra permezz ta’ att ta’ donazzjoni kienet tnaqqsitilhom it-taxxa tad-donazzjoni minn 5% għal 1.5%.
Din it-taxxa tapplika kemm għal proprjetà mobbli kif ukoll immobbli sakemm tali proprjetà tkun ilha kunsidrata bħala negozju tal-familja minn tliet snin qabel l-att ta’ donazzjoni. Barra minn hekk l-istess proprjetà tkun trid tibqa’ bħala negozju tal-familja għat-tliet snin ta’ wara l-att ta’ donazzjoni.
“Il-komunità kummerċjali rreaġixxiet b’mod favorevoli għal din il-miżura u meqjusa l-komplessività tat-tranżazzjoni nemmnu li jkun għaqli li nestendu l-perjodu ta’ din il-miżura b’sitt xhur”, qal il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.