Il-Gvern ħabbar li se jiġi estiż is-servizz tas-Silver T għall-anzjani ta’ ’l fuq minn 60 sena.
Dan bil-għan li tkompli tiġi mħeġġa l-ħajja indipendenti tal-anzjani fil-komunità.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia hekk kif spjega li din l-estensjoni issa tinkludi l-lokalità tan-Naxxar.
Fil-fatt, din mhux l-unika estensjoni li dan is-servizz ra din is-sena hekk kif f’Awwissu żdiedu l-postijiet tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba ma’ tmintax-il lokalità oħra li diġà kien hemm mill-2019.
Il-Ministru Farrugia spjega wkoll kif dan is-servizz, li jipprovdi trasport lill-anzjani biex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom ta’ kuljum fl-istess lokalità, diġà qed isibuh utli ħafna l-anzjani.
Dan hekk kif mill-bidu tas-sena sa Ottubru, saru l’fuq minn 6,500 vjaġġ.
Huwa fisser: “Qed ikun hemm madwar 1000 telefonata fix-xahar għall-persuni biex jitwasslu għall-lokalitajiet u postijiet ta’ verament bżonn bħal pereżempju polyclinic jew bereġ, banek u knisja. Dawk huma l-aktar erba’ prijoritajiet li qed inħarsu lejhom.”
Sadanittant, bħalissa għaddej proċess biex jiġi estiż dan is-servizz fuq bażi nazzjonali permezz ta’ sejħa għall-kuntratt għall-vetturi elettriċi li għadu kif ġie ppubblikat u li jagħlaq fit-3 ta’ Diċembru.
Il-Ministru Farrugia sostna:“Għalhekk għadna kif ħriġna tender għall-passenger vans elettriċi li eventwalment iservu area, area kull wieħed minnhom u hekk is-servizz ta’ Silver T għall-persuni ta’ aktar minn 60 sena ħa jkun qed jiġi estiż issa għal Malta u Għawdex kollha.”
Dan is-servizz jingħata mit-Tnejn sal-Ġimgħa ms-sebgħa ta’ filgħodu sas sagħtejn ta’ waranofsinhar u l-ħinijiet tal-Call centre huma l-istess bħall-ħin li fih jaħdem dan is-servizz.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ wkoll iżur is-sit elettroniku fuq www.activeageing.gov.mt
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo