L-uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità qegħdin preżenti fi tlieta u erbgħin lokalità madwar Malta u Għawdex, ekwivalenti għal aktar minn tlieta u sittin fil-mija tal-pajjiż.
F’dawn il-lokalitajiet hemm erbatax-il tim immexxi minn żewġ spetturi, sittax-il Team Leader, sebgħa u sittin uffiċjal u żewġ Kuntistabbli.
Dawn iċ-ċifri aġġornati huma riżultat ta’ estensjoni oħra ta’ dan il-proġett, hekk kif is-Sibt filgħodu f’Raħal Ġdid, tħabbru aktar lokalitajiet li fihom ir-residenti Maltin u Għawdxi se jibdew jirċievu servizz ta’ Pulizija fil-Komunità.
Is-servizz li diġà jingħata f’Raħal Ġdid ġie estiż f’Santa Luċija, filwaqt li se jibda jkun hemm Pulizija fil-Komunità fil-lokalitajiet kollha f’Għawdex, f’Ħ’Attard, f’Ħal Balzan, fl-Iklin, f’Ħal Lija u f’San Pawl il-Baħar.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri fakkar li l-kunċett tal-Pulizija fil-Komunità beda sentejn ilu bi prova, u r-riżultati li ħarġu kienu tajbin ħafna mhux biss f’termini ta’ fiduċja fil-Korp imma għax is-servizzi liċ-ċittadini komplew jiżdiedu.
Qal, “Permezz tal-Community Policing ridna naraw li jkun hemm kollaborazzjoni oħra bejn il-plejers kollha li jagħmlu l-komunità Maltija – il-Korp tal-Pulizija flimkien mal-Kunsilli Lokali, mal-komunità kummerċjali, mal-għaqdiet tal-parroċċa u NGOs kollha li jaħdmu fil-komunità u b’dan il-mod rajna li l-kollaborazzjoni wasslet għal riżultati aħjar, għal aktar fiduċja u biex ir-residenti jkollhom aktar servizz aħjar ta’ sigurtà fil-komunità tagħhom.”
L-Ispettur Mark Cremona, li jmexxi t-tim tal-Pulizija fil-Komunità fin-Nofsinhar ta’ Malta, spjega li r-residenti qed jilqgħu dan is-servizz personalizzat.
Qal, “Ir-residenti qed jieħdu pjaċir. Aħna konna naraw il-Pulizija, ir-residenti jieħu qatgħa meta jara Pulizija wara biebu. Bis-servizz personalizzat li qed nagħtu, għax ir-resident qed jifhem ukoll dak li qed nagħmlu aħna fil-lokalitajiet tagħna, qed jiġi milqugħ ħafna, jiġifieri aħna nduru l-lokalitajiet, inħabbtu l-bibien, inkellmu n-nies u jieħdu pjaċir.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava qal li dan il-proġett tejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u qed jissarraf f’kuntatt iktar individwali bejn ir-residenti u l-membri tal-Korp.