Is-servizz ta’ trasport b’xejn tas-Silver T għall-anzjani ġie estiż u issa se jkun offrut madwar Malta u Għawdex kollha. Is-Silver T jikkonsisti fi transport għal individwi li għandhom ’il fuq minn sittin sena u li jeħtieġu assistenza biex jagħmlu l-qadi tagħhom fil-komunità.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tħabbar li l-kumpanija BCRS qed tipprovdi sitt vetturi elettriċi biex l-anzjani jkunu jistgħu jiddepożitaw il-kontenituri riċiklabbli tagħhom fir-reverse vending machines u jżuru diversi postijiet oħra fil-lokalità tagħhom.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, saħaq fuq kemm huwa importanti li l-anzjani jkollhom dan is-servizz b’xejn li bih iżommu l-indipendenza tagħhom u jibqgħu attivi. Huwa qal li fl-2022 saru total ta’ 11,759 vjaġġ bis-Silver T.
Il-Kap eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva, Renzo Degabriele, qal li s-servizz se jkun offrut mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-sebgħa ta’ filgħodu sas sagħtejn ta’ waranofsinhar. Huwa qal li s-servizz huwa maqsum f’żoni differenti sabiex jassigura servizz effiċjenti.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-BCRS, Pierre Fava.
L-anzjani jistgħu jirriżervaw post għal dan is-servizz billi jċemplu fuq 22788900 biex jagħmlu appuntament sa mill-inqas tlett ijiem qabel ma jkollhom bżonn is-servizz.