Il-proġett pilota ta’ servizz tat-teħid tad-demm fil-komunità ġie estiż għal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.
Dan is-servizz huwa maħsub għal dawk l-anzjani, jew persuni b’diżabilità, li ma jistgħux joħorgu mid-dar tagħhom minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew mobilità, biex ikun jista’ jitteħdilhom id-demm għat-testijiet minn nies professjonisti bla ħlas fil-kumdità ta’ darhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Renzo De Gabriele spjega kif dan is-servizz jinvolvi persuna li jkollha bżonn tieħu xi testijiet tad-demm, inkluż dawk relatati mat-teħid tal-mediċina tal-warfarina.
Spjega kif wara, il-klijenti jitteħdulhom id-dettalji neċessarji ħalli professjonisti mħarrġa apposta jiġu d-dar sabiex jieħdu l-kampjun tad-demm. Dan il-kampjun jiġi trasportat lejn il-laboratorju tal-isptar Mater Dei.
Dr. De Gabriele qal: “Dan huwa servizz li se jaħdem mit-Tnejn sa Sibt, li tridu ċemplu fuq 22589393, u hemmhekk tagħtu dettalji tagħkom ħalli tkunu tistgħu tirċievu dan is-servizz ġewwa d-dar tagħkom.”
Huwa, ippreżenta ukoll ċertifikat lil disa’ infermiera talli temmew b’suċess il-kors tal-flebotomija.
Intant is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabbilità, Silvio Parnis qal li b’dan is-servizz, il-Gvern se ikun ta’ spalla għal faxxa tas-soċjetà li bħalissa qiegħda tbati b’mod fiżiku quddiem il-pandemija.
Huwa sostna: “Illum komplejna l-ħidma tagħna fejn jidħol qasam tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità fejn issa dak li kien proġett pilota, fejn inkunu qegħdin nieħdu demm lill-anzjani tagħna u l-persuni b’diżabilità illi minħabba l-kundizzjonijiet ma jistgħux joħorġu, issa se nkunu qegħdin nagħmlu dan billi nurses apposta jmorru fid-djar tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità.”