Fil-bidu tal-ġimgħa iddedikata għall-persuni b’diżabilità, il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgurata Casa Apap Bologna fil-Mosta, li nbidlet f’ċentru ta’ respite sabiex tilqa’ fiha persuni b’diżabilitajiet differenti.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din hi l-ewwel darba li l-Gvern daħal fi sħubija mal-privat biex jipprovdi dan is-servizz. Servizz mill-iktar importanti li se jaffettwa l-kwalità tal-ħajja ta’ madwar 1,000 persuna b’diżabbiltà.
Fl-istess waqt se joffri spalla lill-ġenituri tagħhom meta tinqala’ xi urġenza, jew ikunu jridu jieħdu ftit tal-mistrieħ jew biex isiefru. Fil-ftuħ ta’ din id-dar, Marvis Gerada missier ta’ żewġt itfal b’diżabilità qal li dan iċ-ċentru se jfisser li hu u martu se jkunu jistgħu joħorġu, xi ħaġa li ilhom ma jagħmlu għal zmien twil:
“Jien u l-mara, wara xi għaxar snin se nkunu, nistgħu immorru nieħdu pizza, għax kienet wegħda u t-tfal se jkunu f’post sigur”.
Id-dar fiha 25 kamra, b’21 sodda. Fid-dar hemm ukoll ġnien u kmamar b’logħob li jistgħu jservu għall-attivitajiet għal tfal u adulti b’diżabilità.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Casa Apap Bologna Janet Silvio serrħet ras il-ġenituri li ċ-ċentru jiggarantixxi l-aqwa faċilitajiet u post mill-aktar sigur għal uliedhom.
Il-Prim Minsitru stqarr li jinsab kburi b’ġurnata bħal tal-lum, u nnota kif il-ħidma tal-gvern waslet biex l-għadd ta’ persuni b’diżabilità fuq il-kotba tal-qgħad niżlu għal 288 biss, jiġifieri 120 anqas mis-sena li għaddiet. Qal ukoll li l-Gvern daħħal maż-€2.5 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-multi li ġabar minn kumpaniji li mhux iħarsu l-obbligu tal-liġi li jimpjegaw persuni b’diżabbiltà.
Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Muscat fakkar kif il-gvern qiegħed jaħdem ukoll fejn jidħlu residenzi fil-komunità permezz tal-proġett ‘Soċjetà Ġusta’, li wassal għall-ftuħ ta’ 11–il residenza, bl-aħħar tnejn ikunu f’Ħaż-Żabbar u l-Fgura, u bħalissa għaddejja ħidma fuq żewġ residenzi oħra.
Dr Muscat qal li l-gvern reġa’ zamm mal-impenn tiegħu li jagħti l-ekwivalenti tal-paga minima lil dawk il-persuni b’diżabilità severa li assolutament ma jistgħux jaħdmu, biex minn Jannar li ġej, il-pagament fil-ġimgħa ta’ din l-għajnuna se jiżdied minn €140 għal €150.
Fl-istess waqt, tħabbret żieda fl-allowance għat-tfal b’diżabilità, biex issa telgħet għal €25 fil-ġimgħa . Din il-miżura li se tolqot madwar 1,400 tifel u tifla.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li kif tħabbar fil-Budget, b’din id-dar se jkun qed jinbeda servizz ta’ respite professjonali, li permezz tiegħu il-qraba jew carers ta’ persuni b’diżabilità se jieħdu bejniethom total ta’ €7,600 mistrieħ.
We are extending #community #respite services for persons with #disabilities that will assist 1,000 families -JM @DrFalzon @tony4mp @JThinlegs pic.twitter.com/prVzUQToB4
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) December 3, 2018