Kompla jiġi estiż is-servizz tas-saħħa b’xejn tal-Continuous Glucose Monitoring, li jżomm il-kontroll taz-zokkor fid-demm b’aktar preċiżjoni u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni dijabetiċi.
Bl-estensjoni riċenti tas-servizz, se jibdew igawdu minnu wkoll persuni bid-dijabete tat-Tip Wieħed, li għandhom bejn ħamsa u tletin u ħamsa u erbgħin sena, persuni dipendenti fuq l-insulina minħabba mard relatat mal-frixa, u nisa li jbatu mid-dijabete matul it-tqala.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, qal li b’din l-estensjoni, dan is-servizz se jilħaq aktar persuni biex tkompli tiġi indirizzata l-kundizzjoni tad-dijabete, li taffettwa għaxra fil-mija tal-popolazzjoni f’pajjiżna.
B’din il-miżura, il-Gvern qed iwettaq wegħda oħra hekk kif qed jestendi dan is-servizz mhux biss għal nies bid-dijabete tat-Tip Wieħed, imma wkoll f’ċirkostanzi partikolari.
Fil-fatt, madwar mitejn persuna se jibbenefikaw għall-ewwel darba minn dan is-servizz, li qed isir b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro.
Qal, “Hawnhekk qed nestendu s-servizz għal dawk id-dijabetiċi Type 1 li għandhom żmien sa ħamsa u erbgħin sena kif ukoll pazjenti li jiżviluppaw id-dijabete waqt it-tqala – gestational diabetes – u dawk il-pazjenti b’mard tal-frixa li minħabba operazzjonijiet fuq il-frixa, jiżviluppaw id-dijabete.”