Il-fond ta’ emerġenza għall-għaqdiet mhux governattivi ġie estiż u ser ikun qed jammonta għal €150,000.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima, li f’Palazzo Falson fl-Imdina stqarr kif l-għaqdiet volontarji għandhom jibqgħu jingħataw kull sostenn possibli sabiex anke f’dan iż-żmien diffiċli dawn ikomplu jagħmlu l-ġid f’pajjiżna.
“Il-verità hija illi li kieku ma kienx għal dan it-tip ta’ fondi illi huma fondi ta’ emerġenza s-settur tal-volontarjat kien jgħaddi minn żminijiet diffiċli fejn saħansitra kellna għaqdiet li litteralment kienu ser jieqfu joperaw u allura rajna propju, wara li tkellimna mas-settur, dan il-fond, fond ta’ emerġenza illi diġa kien importanti sabiex 125 għaqda diġa bbenefikaw minnu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo saħaq li għal darb’oħra s-Settur tal-Volontarjat wera li meta jkun meħtieġ iqum għall-okkażjoni u jwettaq bl-aħjar mod, il-ħidma tiegħu fil-komunità.
Il-kuratur tal-mużew ta’ Palazzo Falson, Caroline Tonna spjegat kif dawn il-fondi qed joffru nifs lil kull għaqda mhux governattiva li f’dan iż-żmien ukoll qed tiltaqa’ ma’ sfidi kbar minħabba l-pandemija.
“Grazzi għal fondi bħal dawn ituna n-nifs li nistgħu nkomplu bil-ħidma tagħna. Kellna xorta ħafna xogħol x’nagħmlu avolja kien hawn nuqqas ta’ turisti, imma ridna nżommu l-preżenza tagħna anke b’mod diġitali.”