F’Dar Padova, Għajnsielem, Għawdex, se jibdew isiru testijiet tal-oftalmoloġija għal dawk il-persuni kollha li għandhom bejn is-60 u t-80 sena, bħala parti mill-kampanja nazzjonali ta’ monitoraġġ fl-għajnejn, bil-għan li problemi fil-viżta jinqabdu minn kmieni.
Dan qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, ir-Residenza San Vinċenz De Paul u speċjalisti mill-Ministeru tas-Saħħa.
Il-programm ta’ screening nazzjonali tnieda ftit tax-xhur ilu f’San Vinċenz fejn sal-lum diġà kien hemm ’il fuq minn 300 persuna li bbenefikaw mis-servizz li issa se jkun disponibbli fil-gżira Għawdxija.
Is-servizz tal-oftalmoloġija se jingħaqad ma’ bosta servizzi oħrajn li qed jiġu offruti f’Dar Padova.
Dawk il-persuni li fl-aħħar 18-il xahar ma kellhomx appuntament oftalmologu f’xi klinika tal-Gvern huma eliġibbli għal dan is-servizz u se jiġu notifikati b’appuntament għal screening.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, enfasizza dwar l-importanza li wieħed jagħmel dan l-eżami biex kemm jista’ jkun jinqabdu kmieni problemi fil-viżta. Kompla li wħud mill-problemi komuni li nsibu fl-għajnejn huma l-kundizzjonijiet tal-Glaucoma, id-dijabete fir-retina kif ukoll il-katarretti.
Hu tenna li l-għan tal-istrateġija għall-Anzjanità Attiva tibqa’ waħda li jitnaqqas ir-riskju ta’ kull tip ta’ diżabilità li tista’ tiġi evitata fl-anzjani.
Qal, “Is-servizz se jkun qiegħed jingħata f’Dar Padova fejn esperti ħa jkunu jagħmlu screening għal kundizzjonijiet tal-Glaucoma, tal-katarretti kif ukoll kundizzjonijiet taz-zokkor fir-retina.”