Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim soċjali illi kellu mal-Fondazzjoni ta’ Kana, sabiex ikunu jistgħu jibqgħu joffru servizzi soċjali lill-individwi, koppji u anke familji li jkollhom bżonn sapport.
L-għan ta’ din il-Fondazzjoni huwa li toffri sessjonijiet ta’ terapija kemm lil persuni individwali u anke familji.
Permezz ta’ dan il-ftehim soċjali ser ikunu qed jingħataw mal-2,380 siegħa fis-sena ta’ servizzi ta’ counselling, coaching u anke taħriġ dwar trobbija pożittiva.
Dan is-sapport jingħata minn tim multi-dixxiplinarju ta’ psikoterapisti, counsellers, family therapists, psikoloġisti u anke parenting coaches.
“Il-bidla dejjem qiegħda ssir li anke inqas nies naħseb jiena qed jibżgħu jersqu għall-counselling. Imma għad hemm nies li jħossuhom li għax jien nersaq għall-counselling jew għal terapija speċi mhiniex b’saħħti jew ma jistħoqqlix forsi.”
Ann Marie Cassar – Counsellor
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musù u anke t-tmexxija tal-Fondazzjoni ta’ Kana, ippresjedew l-iffirmar ta’ dan il-ftehim.
Fil-fatt, b’reazzjoni, il-Ministru Michael Falzon sostna l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ ftehimiet anke favur it-tfal u l-adoloxxenti.
“Huwa importanti li nikkolaboraw flimkien. Fis-soċjal kulħadd jista’ jagħmel il-biċċa tiegħu u rridu naħdmu flimkien anke ma’ għaqdiet oħrajn bħal NGOs bħal ma huma l-moviment ta’ Kana, li jagħmlu ħidma tant tajba. Hemmhekk allura nkunu aktar effettivi.”
Michael Falzon – Ministru
Intant, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Joe Cassar saħaq illi l-għan ewlieni huwa li jgħinu persuni li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli u anke ta’ trawma, b’din il-ħidma ssir bla ebda distinzjoni għaliex jemmnu li kull forma ta’ familja jixirqilha attenzjoni u għajnuna.