Tħabbret estensjoni fis-servizz importanti tal-CommCare, li jipprovdi assistenza medika ta’ infermiera u carer fir-residenzi personali ta’ anzjani u individwi, li għandhom bżonn għajnuna matul il-jum. Dan issa se jkun estiż sal-għaxra ta’ filgħaxija biex ikunu jistgħu jingħataw aħjar aktar servizzi.
F’konferenza indirizzata mill-Ministru Jo Etienne Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele, ingħad li qed isir investiment ta’ miljun u nofs ewro fis-sena.
Is-sena li għaddiet, dan is-servizz ra madwar 1.3 miljun intervent isiru mal-anzjani fi djarhom, fejn gawdew medja ta’ 5,000 persuna kull xahar.
L-interventi jinkludu kura ġenerali, trattamenti mediċi jew kirurġiċi, injezzjonijiet, kura għad-dijabete u servizzi ta’ flebotomija.
Il-Ministru Abela semma l-ħidma li twettqet matul is-snin biex ikomplu joffru servizzi ta’ kwalità. Qal kif dan is-servizz hu pont bejn is-servizz li jiġi offrut fl-isptarijiet sakemm il-pazjent jilħaq il-benesseri tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur, Malcolm Paul Agius Galea, enfasizza li l-Gvern qed ikompli jinvesti biex jagħmel is-servizzi tiegħu aktar aċċessibbli minn qatt qabel, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-viżjoni li l-anzjani jibqgħu attivi u jgħixu ħajja indipendenti fil-komunitajiet tagħhom. B’hekk is-servizz tas-saħħa jkun wieħed sħiħ.
“L-għan tagħna hu doppju. L-għan tagħna hu li jkollna l-anzjan tagħna kkurat kif suppost, għax ferita tista’ tkun ta’ periklu li, fl-aħħar mill-aħħar, twassal kemm għal kwalità ta’ ħajja inferjuri għall-anzjan u, fl-istess waqt, ta’ periklu għal saħħtu. Però, fl-istess waqt li qed inżommu l-anzjan komdu fid-dar tiegħu, qegħdin inbegħduh minn sistemi ta’ saħħa oħrajn, bħalma huma l-Mater Dei, għax fil-fatt ħafna minnhom ma jkunux jixtiequ jmorru hemmhekk, ma jkunux jixtiequ li jieħdu l-kura kif suppost, kemm l-iskariġġ li jinqalgħu mid-dar u, allura, kemm jista’ jkun qed nikkurawhom fid-djar tagħhom.”
Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Parlamentari
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, qal li dan is-servizz hu kruċjali u fejn qabel is-servizzi kienu jiġu offruti sas-sebgħa ta’ filgħaxija u issa qed ikun estiż bi tliet sigħat.
Qal kif anke bis-saħħa ta’ din il-ħidma, il-kwalità żdiedet hekk kif il-mediċini li kienu jingħataw kmieni, issa jingħataw aktar tard, b’aktar flessibiltà.
Dr De Gabriele spjega xi jrid jagħmel dak li jrid juża dan is-servizz.
“Biex wieħed japplika għal dan is-servizz, wieħed għandu bżonn li jkollu riferta mingħand it-tabib tiegħu jew it-tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa fejn hemmhekk jgħidilna x’kura hemm bżonn u x’affarijiet hemm bżonn. Ovvjament jikkuntattjana t-tabib jew il-klijent fuq 22788900 u hemmhekk aħna nkunu nistgħu ovvjament noffru dan is-servizz, niġu d-dar naraw x’hemm bżonn u noffru dan is-servizz lil dawn il-persuni li jkunu qegħdin ma jistgħux joħorġu minn darhom, allura ma jistgħux imorru fiċ-ċentru tas-saħħa.”
Dr. Renzo De Gabriele, Kap Eżekuttiv